Fekruna titla’ tbid fir-Ramla l-Ħamra għall-ewwel darba f’70 sena

Tard ilbieraħ filgħaxija fekruna żaret il-Bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex fejn biedet il-bajd. Il-fekruna telgħet fuq ir-ramel għall-ħabta tal-10.00 u rritornat lura fil-baħar għall- ħabta tal-11.30 p.m.

Nature Trust qalet li din iż-żjara hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’Għawdex wara 70 sena.

Fkieren żaru bajjiet f’Malta fl-2012, l-2014, u l-2018.

Nature Trust kienet infomata minn persuni li inzertaw kienu fuq il-bajja dak il-ħin, b’voluntieri tagħha f’Għawdex imorru fuq il-post fi żmien ftit minuti biex joqogħdu għassa mal-fekruna u l-bejta fejn biedet il-bajd.

L-Awtorità dwar ir-Riżorsi Ambjentali wkoll ġiet informata b’dan, u se tkun qed tieħu deċiżjonijiet tal-aktar mod approprjat biex il-bejta ma titpoġġiex f’riskju.

Il-bajd mistennijin li jfaqqsu f’Lulju.

Intant il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex iżomm id-distanza mill-bejta u josserva id-direttivi maħruġin mill-ERA.

Share With: