“Fil-pandemija l-ekonomija diġitali ħadet spinta ‘l quddiem”

Isostni dan is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo; jisħaq ukoll li l-HSBC mhux veru se jitlaq

Għalkemm il-Covid19 ġabet problemi kbar lil ċertu negozji, l-aktar lil dawk li ntlaqtu direttament minnha, mhux l-istess jista’ jingħad għall-ekonomija diġitali li f’dawn iż-żminijiet ħadet spinta ‘l quddiem.

Kien is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo li innota dan f’kumment li ta lil dan il-ġurnal dwar kif sejjer il-qasam li tiegħu huwa responsabbli.

Mitlub jgħid kif il-pandemija laqtet lis-settur tas-servizzi finanzjarji huwa rrimarkalna li ċertament il-pandemija ħasdet lil ħafna setturi inkluż ukoll lis-servizzi finanzjarji. 

“Bħala segretarjat qed naħdmu biex insaħħu r-reżiljenza tagħna fuq dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna li jikkontribwixxi għal numru sostanzjali ta’ postijiet ta’ xogħol”. 

Fir-rigward tal-ekonomija diġitali s-sitwazzjoni hija differenti hekk kif dan is-settur ħa spinta ‘l quddiem fejn Bartolo semmilna kif niċeċ emerġenti bħall-E-Sports u l-E-Commerce bdew joħorġu l-potenzjal tagħhom bħala wħud mill-pilastri l-ġodda tal-ekonomija lokali f’normalita ġdida. 

“Kommessi li nkomplu nsaħħu dawn in-niċeċ ekonomiċi tant li f’dan ir-rigward se nkunu qed inħabbru numru ta’ progetti fil-ġimghat li ġejjin”, żied jgħid Bartolo.

Dwar ix-xniegħa li l-HSBC seta jħalli lil pajjiżna, limea għidut ma kinitx l-ewwel darba li tqajjmet, is-Segretarju Parlamentari qalilna li meta sema bl-istorja ħass li kien fid-dover tiegħu li jagħmel kuntatt mal-għola uffiċjali fi ħdan l-istess bank sabiex jispjegawlu aktar fuq dan ir-rappurtaġġ.

Huwa spjega li f’konferenza virtwali mal-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta Simon Vaughan dan aċċertah li din ma kienet xejn għajr aħbar spekulattiva li dehret fuq ġurnal internazzjonali mbagħad ġiet irrapurtata fil-medja lokali. 

“Komplejna d-diskussjoni billi saħaq u elenka l-pjanijiet li għandu l-bank għall-futur kif ukoll iddiskutejna l-approvazzjoni tal-garanziji li l-bank se jkun qiegħed jgħaddi fil-ġimgħat li ġejjin”, żied jgħid lil dan il-ġurnal Clayton Bartolo.

Share With: