Ftit ħsibijiet dwar il-Vjolenza – x’inhi eżattament?

Minn Audrey Friggieri, Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika.

Mahatma Gandhi kien qal li l-agħar forma ta’ vjolenza huwa l-faqar. Iżda madwar id-dinja ħafna nies meta jisimgħu il-kelma ‘vjolenza’ aktarx jassoċjawha  ma’ affarijiet bħal gwerer, terroriżmu, swat u delitti. Dan l-aħħar qed nisimgħuha iktar minħabba l-imxija tal-Covid-19 li biddlitilna l-mod ta’ kif ngħixu mill-lejl għan-nar u li minħabba fiha aħna lkoll ġejna mħeġġa biex nibqgħu id-dar biex titnaqqas l-inċidenza tal-infezzjoni. Din is-sitwazzjoni li tinsab fiha d-dinja tista’ taggrava sitwazzjonijiet f’familji  fejn hemm problemi ta’ vjolenza domestika minħabba l-fatt li l-aggressuri qed ikunu ferm iktar preżenti madwar il-vittmi tagħhom. Iżda verament, ‘vjolenza’ xi tfisser? Hemm differenza bejn dak li naħsbu aħna dwarha u dak li tfisser filfatt?

Il-kelma ‘vjolenza’ ġejja mill-Latin: ‘violentia’ (fuq tiegħu ħafna,  ma jaħsibhomx) u ‘violentus’ (juża l-forza). Dawn probabbilment huma relatati ma’ ‘violare’ (trattament mhux xieraq) li aktarx ilha tintuża mill-1590 ( https://www.etymonline.com/word/violation)

Filwaqt li ebda sitwazzjoni mhi bħal oħra u kulħadd tiegħu iħoss, tajjeb nifhmu xi jkun hemm wara l-kliem u d-diskors li jintużaw biex jiddeskrivu fenomeni li ngħaddu minnhom f’ħajjitna.    Minn riċerka dwar il-vjolenza jirriżulta li hemm diversi definizzjonijiet tagħha, anke minnhom li ma jaqblux bejniethom.  Pero’ hemm qbil fuq il-fatt li definizzjoni kompluta tal-vjolenza għandha tinkludi erba’ elementi essenzjali: 

Imġieba  li hija (a) intenzjonata, (b) mhux mixtieqa, (c) mhux  neċessarja u (d) tagħmel il-ħsara (Hamby, 2017)

Jekk niffukaw iktar insibu li hemm fatturi oħra li jeħtieġ nikkunsidraw ukoll. Pereżempju ħsara bijoloġika  fil-kromożomi – konsegwenza  magħrufa tal-abbuz tat-tfal — hija ħsara ħafna iktar serja minn girfa jew tbenġila li tfieq fi ftit jiem.  Spiss ċerti problemi jkunu riżultat  ta’ nuqqas ta’ reqqa fid-definizzjonijiet,  bħal meta jiġu minimizzati l-vjolenza sesswali, l-ibbulijar u mġieba oħra li ma tiġix ikkunsidrata bħala sinjifikanti.  Id-definizzjoni preċiża tal-vjolenza tista’ tgħinna nissorveljaw aħjar, nidentifikaw iktar il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, nagħmlu interventi  iktar  rilevanti u jkunu jistgħu jitfasslu programmi ta’ prevenzjoni aħjar ukoll (Hamby, 2017). 

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tiddefinixxi l-vjolenza bħala l-użu intenzjonat  ta’ forza fiżika u poter –  kemm jekk attwata kif ukoll f’forma ta’ theddida  – kontra tiegħek innifsek, kontra persuna oħra, jew kontra grupp jew komunita’ li  tissarraf, jew hemm probabbilta’ għolja li tissarraf f’ korriment, mewt, ħsara psikoloġika, ħsara fl-iżvilupp jew ċaħda minn affarijiet essenzjali  (Kruget al., 2002, p. 5). 

Din id-definizzjoni tirrifletti l-bżonn li tiġi inkluża tifsira ta’ vjolenza li ma tissarrafx neċessarjament f’korriment jew mewt. Jeħtieġ li l-kunċett ta’ vjolenza jinkludi fih l-element ta’  piż mitfugħ fuq  individwi, familji, komunitajiet u sistemi ta’ saħħa fil-pajjiżi madwar id-dinja.

L-użu fid-definizzjoni tal-kelma ‘poter’ flimkien  ma’ ‘forza fiżika’ jespandi l-fehim  konvenzjonali tal-att vjolenti sabiex jinkludi fih  azzjonijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ poter li jinkludu theddid u intimidazzjoni. L-użu tal-kelma ‘poter’ hija importanti peress li tinkludi bħala att vjolenti it- traskuraġni ta’ persuna/i jew nuqqas ta’ kura meħtieġa.

Ksur ta’ regoli soċjali

Diversi riċerkaturi jaqblu li l-vjolazzjoni ta’ normi soċjali  huwa aspett importanti meta nippruvaw nifhmu l-vjolenza u l-vittimizzazzjoni. B’normi soċjali nifhmu ħsara fuq individwi kkaġunata minn bnedmin oħra li ġabu rwieħhom  b’modi li jiksru regoli jew normi soċjali (Finkelhor, 2008, p. 23). Pero’ n-normi soċjali m’għandhomx jiġu meqjusa bħala awtorita’ dwar dak li hu u dak li mhux att vjolenti. Mhux talli hekk iżda, dawn jistgħu jiġu użati biex jittantaw jiskużaw jew jiġġustifikaw il-vjolenza stess (Krug et al., 2002). Il-vjolenza fil-familja kienet ittollerata għal ħafna snin. Storikament, fid-dinja ċerti forom ta’ vjolenza kontra membri tal-familja bħal ma huwa l-istupru saħħansitra kienu jiġu esklużi mill-liġi kriminali. 

In-normi soċjali mhumiex perfetti. Iktar jaqbel li naħsbu ftit dwar il-funzjonijiet tagħhom u  dak li  jirrappreżentaw.  Ħafna drabi riċerkaturi tal-abbuż fit-tfal jirreferu għan-normi soċjali biex jinkludu t-traskuraġni u l-abbuż sesswali f’definizzjonijiet ta’ vittimizzazzjoni u vjolenza. Il-problema fil-kunċett ta’ traskuraġni u abbuż sesswali tat-tfal mhux il-fatt li s-soċjeta’ tistkerraħhom u tikkundannahom, iżda li dawn l-atti fihom infushom jikkawżaw insult lin-natura tat-tfal u  jagħmlu ħsara irreparabbli  tul il-ħajja tal-bniedem fuq diversi livelli. Ħsara tfisser iktar minn tbenġila jew għadma miksura. 

Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ ċarezza fl-hekk – imsejħa differenzi ‘kulturali’.  Spiss l-aggressuri jiġġustifikaw azzjonithom billi jirreferu għall-kultura jew għat-trobbija tagħhom.  Iżda dawn mhumiex ħlief skużi,  intenzjonati li jipproteġu forom ta’ poter illeġittimu.

Ir-Rabja u l-Ostilita’

Ċerti tifsiriet u miżuri jħalltu l-aggressjoni u /jew vjolenza ma’ rabja u ostilita’. Dawn filfatt huma differenti minn xulxin. Ir-rabja hija emozzjoni li jesperjenzaha kulħadd u hija reazzjoni għall-inġustizzja li bniedem jista’ jħoss li qed issir kontrih.  Il-bniedem iżda mgħammar ukoll bil-kapaċita’ li jikkontrolla din l-emozzjoni sabiex ma jitlifx rasu u ma jaġixxix fis-saħna tal-mument. Dan il-kontroll jippermettilna nevitaw li nagħmlu atti vjolenti anke jekk inkunu irrabjati ħafna. 

Fl-estrem l-ieħor, riċerkaturi oħra sabu li r-rabja ma tikkawżax neċessarjament il-vjolenza domestika u li l-emozzjonijiet mhux dejjem  jikkawżaw kull att vjolenti. Għaldaqstant, mhemmx bżonn nirreferu għall-emozzjonijiet tal-agressuri meta niddefinixxu l-vjolenza (Parrott and Giancola (2007). 

Huwa fatt magħruf li ħafna karatteristiċi personali tal-vittma u tal-agressur jistgħu jaffettwaw kif inħarsu lejn inċidenti vjolenti. Dawn jinkludu l-ġeneru, ir-razza, l-orjentazzjoni sesswali,  l-imġieba  – bħal pereżempju jekk  persuna kinitx għadha kemm abbużat mill-alkoħol –  kif ukoll sitwazzjoni partikulari bħal pereżempju t-tip ta’ relazzjoni  eżistenti bejn il-vittma u l-aggressur  ( Hamby & Jackson, 2010; Sommer, Reynolds, & Kehn, 2016). 

Xi drabi persuni jistgħu jinqdew b’karatteristiċi personali jew tas-sitwazzjoni biex jispjegaw jew jiġġustifkaw l-att vjolenti.  Pereżempju huwa fatt magħruf li l-vjolenza eżerċitata minn raġel tista’ tagħmel iktar ħsara minn  att simili eżerċitat minn mara.  Minħabba f’hekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni eżatta dwar il-kunċett ta’ ħsara, in-nies għandhom tendenza jużaw il-ġeneru tal-agressur biex jiddeskrivu jew jistmaw  il-ħsara kkawżata f’inċident (Hamby & Jackson, 2010).  L-impatt ta’ dawn il-fatturi huwa sinjifikanti meta nikkunsidraw proċessi ta’  kif jingħata tort lill-vittma, tfittxija ta’ għajnuna, servizzi ta’ saħħa, azzjoni minn-naħa tal-ġustizzja kriminali, kif ukoll bosta temi importanti oħra fir-riċerka.  Finalment pero’,  minkejja l-korrelazzjoni tal-ġeneru u karatteristiċi oħrajn ma’ elementi ta’ vjolenza bħal ma hi l-ħsara, dawn huma  indipendenti minn xulxin filfatt u għandhom jinżammu separati (Hamby, 2017).

L-Intenzjoni

Fl-aħħar mill-aħħar  tajjeb  nikkunsidraw ftit x’jista’ jwassal  persuna  biex intenzjonalment  tikkommetti att mhux mixtieq, mhux neċessarju u ta’ ħsara fuq persuna/i oħra.  L-intenzjoni ġġib magħha l-motiv, jew f’termini kriminoloġiċi  “state of mind” fil-ħin meta l-att vjolenti jiġi kommess. Filosfi kbar jgħidulna li ħadd ma jista’ jikkommetti att vjolenti fuq xi ħadd u jaħseb fl-istess ħin. Importanti nikkunsidraw ukoll ix-xogħol kbir ta’ riċerkaturi femministi fejn jindirizzaw b’mod espliċitu l-kwestjoni ta’ motiv billi jidentifikaw l-użu tal-poter u l-kontroll bħala mod kif fis-soċjeta’ tibqa’ titħalla tiddomina l-patrijarkija. Imma dwar dan nitkellmu darb’oħra.

Share With: