Futur inċert għal Victor Moses

Il-futur tal-winger Niġerjan, Victor Moses, jinsab dejjem aktar inċert. Dan tal-aħħar għandu 29 sena u jinsab misluf ma’ Inter mingħand Chelsea. Min-naħa tagħhom, in-Nerazzurri jixtiequ jżommu lil dan il-player iżda l-Blues qed jitolbu s-somma ta’ €12-il miljun għalih li jaqbżu bil-bosta ċ-ċifra li d-direttur sportiv Giuseppe Marotta u sħabu lesti li jħallsu għalih.

Filwaqt li Conte jinsab kuntent bil-progress tal-player min-Niġerja, Inter qed jevalwaw kull eventwalitá sabiex jaraw x’se jagħmlu eżatt.

Moses wasal b’self f’Jannar li għadda fejn għalkemm lagħab seba’ logħbiet minn dakinhar ‘l hawn, xorta għadu m’uriex il-potenzjal veru tiegħu minħabba din il-waqfa sfurzata.

Fl-aħħar sigħat diversi siti elettroniċi Taljani li jispeċjalizzaw fis-suq tat-trasferimenti qalu li Inter jistgħu jagħżlu li jtawlu l-perjodu ta’ self ta’ dan il-player. Il-kuntratt tiegħu  ma’ Chelsea jiskadi f’Ġunju 2021 għalkemm  ftit jinsab fil-pjan tal-coach Frank Lampard.

Share With: