Għaddej ġmielu x-xogħol fil-pixxina tas-Sirens ASC

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima wera sodisfazzjon għall-ħidma li qed issir fil-pixxina tas-Sirens ASC u qal li sal-aħħar tas-sajf dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €3 miljun, se jitgawda b’mod riġenerat meta eventwalment jinfetaħ għall-pubbliku. 

Is-Segretarju Parlamentari Grima saħaq li din il-pixxina se tkun approvata mill-FINA (Fédération Internationale de Natation) u b’hekk hi ċertifikat tal-ogħla standards internazzjonali. Kompla jgħid li minkejja ċ-ċirkustanzi preżenti bil-faċilitajiet sportivi li huma magħluqin għall-pubbliku, xorta baqgħu mimlijin attività. Qal li qed isir xogħol ta’ manutenzjoni u ta’ rinnovar, li normalment isir matul is-sena kollha, imma f’dawn iż-żminijiet, meta l-faċilitajiet mhux qed jintużaw mill-pubbliku inġenerali, żdiedet l-intensità tax-xogħol ta’ manutenzjoni.

Is-segretarju parlamentari żied li SportMalta kienet ukoll strumentali u essenzjali fil-komunikazzzjoni ma’ diversi klabbs, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi madwar il-pajjiż. 

“Biżżejjed wieħed jgħid li kellna rispons tajjeb ħafna f’dawk li huma applikazzjonijiet għall-Wage Supplement bħala parti mill-għajnuna finanzjarja li offra dan il-gvern. Għaddejjin ukoll b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex wieħed ikun jista’ jagħmel klassifikazzjonijiet varji ta’ diversi sports, sports li huma individwali, tim sports u sport li hu ta’ kuntatt.”

Il-Viċi President ta’ Sirens ASC John Farrugia spjega li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett tinsab kważi lesta. L-ewwel fażi tikkonsisti fil-bini tal-pixxina stess li diġà għandha l-pedamenti lesti. Il-pixxina se tkun b’qies ta’ 33 metru b’25 metru u se sservi mhux biss għat-tims tas-Sirens tal-waterpolo iżda wkoll għal għexieren ta’ għawwiema li f’dawn l-aħħar snin żdiedu fit-tims tal-għawm tal-klabb.  

Dan il-proġett qed jara l-bini ta’ tliet pixxini, tnejn barra u oħra fuq ġewwa, bil-għan li jservi ta’ ċentru reġjonali għall-isport tal-għawm. Il-klabb tas-sirens iħarreġ atleti fl-għawm, għawm sinkronizzat u waterpolo. Qal li l-investiment totali f’dan is-sit jinkludi t-titjib tal-pixxina u l-faċilitajiet fosthom changing rooms, toilets, stands għall-ispettaturi kif ukoll it-twessigħ tal-użu tas-sit billi fil-livell ta’ taħt se jiżdiedu gym u diving centre.

Share With: