Ġlieda bejn Malti u Ġermaniż tħalli raġel bi ġrieħi gravi

Raġel Ġermaniż ta’ 34 sena, residenti tas-Sliema, qed isofri minn ġrieħi gravi wara argument f’San Ġiljan. 

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-4:30 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Vjal Portomaso, San Ġiljan. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li kien hemm argument f’appartament bejn żewġ persuni. Waqt l-vittma kien qed jigi mitkellem fuq il-post mill-Pulizija, raġel Malti ta’ 59 sena residenti tas-Sliema, aggredih minn wara u ikkagunalu xi ġrieħi. 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri min ġrieħi gravi. 

Ir-raġel ta’ 59 sena qed jiġi mitkellem mill-Pulizija filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Share With: