“Grat għal dejjem b’dak li Malta għamlet miegħi” – Alazar Naizghi, immigrant Eritrean, li llum jgħix l-Istati Uniti

Miktub minn Victor Vella

Bħal ħafna oħrajn, kemm qablu u anke warajh, Alazar ra biss futur jekk jaħrab mill-Eritrea. Ir-raġunijiet kienu diversi. Jispiċċa f’pajjiżna wara li għamel il-vjaġġ bil-baħar mil-Libja. F’Malta qatt mis-sena 2004 sa Jannar tas-sena 2007. Jiddikjara li hu grat għal dejjem b’dak li Malta għamlet miegħu. Iqis li ż-żmien li għamel f’Malta kien kruċjali f’ħajtu.
Inewsmalta tkellmet ma’ Alazar li llum hu persuna ggradwat fl-Istati Uniti. Jgħidilna li “mill-esperjenza tiegħi jien tgħallimt inkun grat lejn dawk li tawni l-għajnuna u l-id tal-ħbiberija meta kont għaddej minn żmien diffiċli. Illum ma nħossx li nappartjeni lill-Eritrea. Inħossni nappartjeni lejn il-postijiet kollha li kont fihom u li għandi ħafna ħbieb. Dawn huma is-Sudan, il-Libja u Malta. Niftakar f’esperjenzi koroh fil-pajjiżi kollha li jien kont fihom. Jien imma dejjem għażilt li niffoka fuq l-aspetti pożittivi u dan biex jgħinuni nimx ‘l quddiem. Jien naf li l-affarijiet huma relattivi, u għalhekk ngħid li l-affarijiet kienu minuri meta mqabbli ma’ dak li jien kont esperjenzajt qabel ġejt f’Malta”.

Jenfasizza li “jien għandi ħafna ħbieb f’Malta li kollha kienu għenuni fis-sitwazzjoni li kont fiha. F’Malta għamilt sena nistudja fl-Università ta’ Malta u wara bdejt ngħix fl-Istati Uniti. Ma nistax nitkellem għall-oħrajn, imma jien li niftakar f’Malta mhux l-affarijiet il-kbar imma l-affarijiet iż-żgħar. Niftakar per eżempju dik it-tazza kafè li tani sid ta’ post tax-xogħol fl-ewwel jum tax-xogħol tiegħi. Kienu affarijiet żgħar li lili tawni tama. Finalment imbagħad kien hemm il-programm tal-Istati Uniti li permezz tiegħu ġejt ngħix hawn. Lili dan bidilli ħajti. Malta kienet tarġa importanti f’ħajti”.
Itenni li “hi ta’ dwejjaq li tara nies li jridu jweġġgħu jew jinsulentaw immigranti, meta dawn ikunu diġà batew ħafna. Lili din tweġġagħni.”
Hu jisħaq li “grat għal dejjem lejn dawk li għenuni. Minkejja li ngħix fl-Istati Uniti ma nsejtx il-passat. Anki hawn, hawn min ipinġi lill-immigranti bħala kriminali. Inweġġa’ ħafna b’dan għax naf li din mhix il-verità”, itemm jgħid Alazar.

Share With: