Iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel b’żieda fil-każi; Obama bi kritika ħarxa għal Trump

Kemm iċ-Ċina kif ukoll il-Korea t’Isfel irrapportaw żieda f’każi ġodda ta’ coronavirus illum, b’dan iqanqal tħassib fir-rigward tal-kontroll tal-pandemija f’pajjiżi fejn l-imxija lokali kienet qed tara tnaqqis drastiku.

Intant l-eks-President Amerikan Barack Obama kkritika bl-aħrax l-istrateġija tal-President Donald Trump biex jikkontrolla l-pandemija tal-coronavirus, u saħansira ddeskriviha bħala “diżastru assolutament kaotiku”. Dan filwaqt li diversi stati Amerikani bdew jillaxkaw gradwalment il-miżuri li daħħlu fis-seħħ biex jikkontrollaw l-imxija tal-virus, anke jekk ufiċċjali tas-saħħa huma mħassba dwar tieni mewġa ta’ infezzjonijiet.

Intant matul il-jum tal-lum iċ-Ċina rrapportat 14-il każ ġdid, l-ewwel darba li l-każi ġodda qabżu l-10 każi f’dawn l-aħħar għaxart ijiem. Ħdax minn 12-il infezzjoni lokali kienu reġistrati fil-provinċja ta’ Jilin, bil-każ ta’ trasmissjoni lokali l-ieħor reġistrat fil-provinċja ta’ Hubei fejn il-kapitali tal-provinċja – Wuhan – kienet l-epiċentru tal-pandemija dinjija.

Il-każi f’Jilin wasslu lill-awtoritajiet biex jgħollu l-livell ta’ theddid f’waħda mill-konteji għal għolja, jiem biss wara li niżżlu r-riskju fir-reġjuni għal wieħed baxx.

Jilin tinsab mal-fruntiera tal-Korea ta’ Fuq, fejn is-sitwazzjoni dwar il-pandemija għadha waħda inċerta.

Intant il-Korea t’Isfel illum irrapportat 34 każ ġdid hekk kif żieda ta’ trasmissjonijiet lokali konnessi ma’ attendenzi f’festini u clubs qed jheddu li jgħarrqu l-progress li l-pajjiż għamel f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Dan huwa l-ewwel darba fi 30 ġurnata li l-Korea t’Isfel irreġistrat ’il fuq minn 30 każ f’jum wieħed.

Share With: