Il-Belġju jikkonfermaw lil Roberto Martinez

Il-coach tal-Belġju, Roberto Martinez, jgħid li jrid iħalli “wirt sabiħ” wara li ġedded il-kuntratt tiegħu sa wara t-Tazza tad-Dinja 2022.

L-Ispanjol ta’ 46 sena, ħa f’idejh it-team Belġjan fl-2016 u l-ftehim eżistenti kellu jiġi fit-tmiem dan is-sajf wara l-Euro 2020.

Peró t-tournament ġie mitfugħ lura għall-2021 minħabba l-pandemija tal-coronavirus, bit-Tazza tad-Dinja li jmiss se ssir fil-Qatar f’Novembru u f’Diċembru 2022.

“Jien kuntent ħafna għaliex dan huwa proġett ambizzjuż ħafna,” qal Martinez.

“Inħoss li kollox jinsab f’postu biex naħdem favur wirt sabiħ fil-football Belġjan.”

Il-Belġju spiċċaw it-tielet fit-Tazza tad-Dinja 2018 fir-Russja taħt l-ex manager ta’ Wigan, Swansea u Everton.

Ir-Red Devils huma l-aqwa fir-rankings mondjali tal-FIFA u fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, huma rebħu l-10 logħ­biet li lagħbu.

Huma ġew imtellgħin fi Grupp B għat-tournament flimkien mad-Danimarka, il-Finlandja u r-Russja.

“Il-posponiment tal-Euro jġib sitwazzjoni kompletament diffe­renti,” żied Martinez.

“Nemmen immens f’dan il-grupp ta’ players. Inħoss li ma kienx il-waqt li titkisser dik ir-relazzjoni, għalhekk wasal iż-żmien li nħarsu ‘l quddiem għal perjodu internazzjonali intens ħafna.”

L-Assoċjazzjoni tal-Football Belġjana ħabbret l-estensjoni ta’ Martinez b’filmat żgħir ta’ Eden Hazard meta sar jaf bl-aħbar waqt li kien qed jilgħab video game f’daru qabel ma qal lil Romelu Lukaku li hija “aħbar kbira” bit-telefon.

Share With: