Il-biża’ li bosta players qed ibatu minn dipressjoni qawwija

In-numru ta’ biċċiet li jridu jerġgħu jin­għaqdu sabiex il-football jerġa’ jiġi lura għal li kien hu immens.

Bla dubju, xejn m’hu se jibqa’ l-istess. Fil-jiem li ġejjin hekk kif it-timijiet se jerġgħu jibdew is-sessjonijiet ta’ taħriġ se jkun hemm numru ta’ miżuri li l-players ma kinux imdorrijin bihom.

Fost l-oħrajn se jiżdiedu s-swab tests u l-faċilitajiet fejn jitħarrġu se jiġu diżinfettati b’mod kontinwu. Mill-banda l-oħra se jkun hemm numru ta’ fatturi oħra partikolari fosthom kif ċerti postijiet se jiġu sostnuti, il-biċċa uġigħ ta’ ras ta’ loġistika u dati oħra tal-logħbiet kif ukoll l-atmosfera vojta li se jkun hemm fl-istadia li se jospitaw il-logħbiet tal-kampjonat bil-bibien magħluqa.

Sadanittant l-union professjonali tal-players, il- FIFPro irrappurtat li qed tiltaqa’ ma’ każijiet xejn sbieħ fejn players li normalment narawhom ipax­xuna bil-logħob tagħhom qed jaqgħu f’dipressjoni u ansjetá.

Dawn is-sintomi ġew ikkonfermati mill-ex tabiba ta’ Chelsea, Eva Carneiro, li waqt li kienet qed tara l-kundizzjoni psikoloġika ta’ ċerti players indunat li l-lockdown effettwahom b’mod negattiv.

Saħansitra, hija qalet li dawk il-players li normalment jidhru jiġru qishom magni, fil-veritá huma wkoll persuni vulnerabbli.

B’hekk il-Covid-19 ġabet ansjetá kbira fost dawn l-atleti li l-ħajja normali tagħ­hom inbidlitilhom mil-lejl għan-nhar.

Mill-banda l-oħra bħal­issa qed tberren mistoqsija waħda f’moħħ il-players tat-timijiet li se jerġgħu jibdew jew diġá bdew it-taħriġ matul din il-ġimgħa.

U wieħed jistaqsi … kif se jirnexxielhom jid­ħlu lura għax-xogħol f’ambjent fejn huma jrid ikollhom kuntatt fiżiku b’mod partikolari waqt xi logħba?

Din l-opinjoni kienet   evidenti f’fomm l-attakkant ta’ Manchester City, Sergio Aguero, li kien qed jitkellem f’isem sħabu fejn qal li kollha jinsabu mbeżżgħin dwar din l-imxija li ħalliet ħerba kbira kullimkien.

Il-player internazzjonali Arġentin qal li kull mem­bru fl-iskwadra tas-Citizens għandu l-familja tiegħu u ħadd ma jixtieq iġorr il-virus lejn id-dar tiegħu.

Huwa sostna li bħala players se jkunu ferm attenti għalkemm sfortunatament ċertu kuntatt fiżiku bilfors irid ikun hemm.

Tkellem ukoll l-attakkant ta’ Brighton, Glenn Murray, li qabel mal-argumenti ta’ Aguero u żied jgħid li l-logħob tipiku li mdorri bih kull player mhux se jibqa’ dak naturali.

Hu tenna li l-moħħ se jibqa’ jaħseb fil-pandemija tal-Covid-19 u r-riskji marbutin miegħu.

Kien hawn li tkellem il-psikologu li jispeċjalizza fl-isport, Matt Cunliffe, fejn ammetta li għal kull player u atleta mhux se tkun biċċa xogħol faċli li jerġa’ lura għal-livell li kellu daqs xahrejn ilu.

Hu qal li jridu jegħlbu ostaklu psikoloġiku kbir kull darba li jridu jinżlu għal-logħob u din mhux biċċa xogħol faċli.

Cunliffe qal li din hija sitwazzjoni bla preċedent li ġiet ħabta u sabta fid-dinja.

Skond ir-riċerka li għaddej biha flimkien ma’ xi kollegi oħra, huwa qed jinnota li bosta atleti  bħalissa jinsabu għaddejjin minn stress kbir mhux biss għax qed iħossu n-nuqqas tal-ground u ta’ sħabhom iżda wkoll għax ladarba huma jerġgħu jibdew jilagħbu xejn m’hu se jkun l-istess.

Il-psikologu mir-Renju Unit saħansitra qal li din is-sitwazzjoni psikoloġika xejn m’hi waħda pożittiva għax twassal għall-istess players li jimirdu aktar, ikol­lhom injury daqs li kieku xejn u fuq kollox idumu iktar sakemm jirkup­raw minnha.

Hawnhekk, Cunliffe issuġġerixxa li t-tobba u l-psikologi tal-clubs jaħdmu fuq rijabilitazzjoni tal-players tagħhom ladarba jmorru lura għas-sessjonijiet ta’ taħriġ u jaħdmu aktar sabiex jagħtuhom motivazzjoni ġdida.

Huwa ssuġġerixxa li l-istress xejn m’hu fattur pożittiv għax jista’ jaffettwa saħħet l-individwu u jaffettwa fuq id-deċiżjonijiet li jieħu waqt il-logħob.

Hawnhekk dan il-psikologu ġab l-eżempju ta’ meta player jittakilja lill-avversarju tiegħu u jidħollu xi daħla kerha li biha jiġi mkeċċi. Dan juri li l-livelli ta’ stress f’dan il-mument huma ferm għolja minkejja li għadhom ma bdewx it-taħriġ tagħhom.

Cunliffe kompla jgħid li l-players qed jibżgħu jerġgħu jmorru fil-ground min­ħabba li jistgħu jieħdu l-virus waqt kuntatt fiżiku li jkollhom bejniethom.

Huwa qal li s-sistema immunitarja tagħhom f’dan iż-żmien ma tantx tkun tajba u għalhekk jagħmilhom aktar vulnerabbli.

Finalment tkellem ukoll Martin Turner li huwa student tal-psikoloġija fl-Universitá Metropolitana ta’ Manchester fejn anke hawn huwa rrimarka li meta int għandek sport kollettiv ta’ team, hemm ħafna temperamenti u mġieba differenti u għaldaqstant dan kollu jaffettwa l-burdati kollettivi tagħhom.

Kien hawn li Turner irrimarka li l-għaqda fost il-grupp tegħleb kull ostaklu u tagħti kuraġġ ġdid dejjem jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Jekk grupp ikun magħqud, b’xi mod tingħeleb l-ansjetá u bil-mod il-mod jippruvaw ikomplu r-rutina tagħhom anke jekk b’mod xi ftit differenti.

Share With: