Il-blat Malti, minn fejn hu ġej?

Minn KURT DEMANUELE, Executive Science Communicator, Esplora.

Qatt xi darba ħsibtu minn fejn ġiet l-art li qegħdin tirfsu fuqha? Jew kif iffurmat? L-art jew inkella l-ġebel ta’ Malta, ħa miljuni ta’ snin biex jifforma kif inhu llum! Imma nistgħu ngħidu li fi żmien id-dinosawri, il-blat li jifforma l-gżejjer ta’ Malta ma kienx jeżisti. Kieku forsi kienu jirrakkontawlna t-twelid tal-ġeoloġija ta’ gżiritna jew inkella tal-blat ta’ Malta!

Il-blat ta’ Malta beda jifforma madwar 30 u 25 miljun sena ilu meta l-ħama u l-fossili bdew jinġemgħu fil-qiegħ tal-baħar. Fossili huma annimali li ilhom mejtin iktar minn 10,000 sena ilu. Dawn għenu biex fl-aħħar mill-aħħar għandna l-ħames saffi li nafu bihom illum. Dawn jixbhu s-saffi ta’ xi kejk. Wieħed faċli jinnotta li wħud mis-saffi huma differenti minn oħrajn, u hemm xi wħud li jixbhu wkoll ġebel ieħor. Dan kollu jiddependi mill-ambjent tal-baħar u minn kif dawn il-fossili u l-ħama – jkunu nġemgħu tul iż-żmien.

It-tip ta’ ġebel ta’ Malta jissejjaħ ġebel sedimentarju għax ifforma f’saffi fuq xulxin taħt il-baħar. Wieħed faċli jinnota l-meravilja ta’ fossili fosthom arzelli, għadam tal-annimali tal-baħar u anke saħansitra xi snien ta’ xi ħuta. Il-ġebel Malti ħa l-isem mid-deskrizzjoni tiegħu.

L-iktar ġebel  antik jismu Il-Qawwi ta’ Taħt jew Iż-Żonqor. Mill-isem, faċli tinduna dan xi jsarraf; ġebel b’saħħtu ħafna, diffiċli biex jinqata’. Bl-Ingliż, dan il-ġebel jissejjaħ Lower Coralline Limestone, li jindika illi jinsab fil-qiegħ tas-saffi tal-blat, kif ukoll minn xiex huwa magħmul, jiġifieri mill-qroll imlaqqam bħala Meandrina, apparti fossili oħra. Dan it-tip ta’ qroll kien jgħix fil-qiegħ tal-ilma baħar. B’hekk, jagħmel lil dan il-ġebel tant b’saħħtu, li kapaċi jissaporti  r-riħ u l-mewġ tal-baħar iħabbat miegħu. Eżempju ta’ dan it-tip fuq wiċċ l-art hija dik li kienet it-tieqa tad-Dwejra, ġewwa d-Dwejra, Għawdex.

Iktar tard, madwar 5 miljun sena wara li beda jifforma l-Qawwi ta’ Taħt,  il-baħar beda jsir iktar fond u hemmhekk dan is-saff ta’ ġebel waqaf milli jkompli jifforma, u floku nħoloq blat ġdid – blat li ġejna vera bżonnu. Qed nirreferi għall-ġebla Tal-Franka jew bl-Ingliż Globigerina Limestone. Il-fossili li għamlu dan il-blat huma fossili mikroskopiċi li kienu jgħixu f’baħar fond ta’ madwar mitejn metru jew daqs żewġ torrijiet ta’ Portomaso fuq xulxin. Ħafna mill-barrieri li għandna fi gżiritna huma ta’ dan it-tip ta’ blat, minħabba li dan il-ġebel beda jintuża biex nibnu d-djar tagħna qabel ma bdejna nużaw il-konkrit. Dan il-blat huwa meqjus bħala blat artab, mhux għax tista’ tgħaffġu b’idejk imma għax faċli tqattgħu u jittiekel malajr.

Dan il-blat mhux kollu kemm hu b’saħħtu u jista’ jintuża għall-bini. Fil-fatt il-franka għandha tliet saffi oħra li d-differenza ta’ bejniethom huma l-fossili li jagħmluha. L-ewwel li fforma minn dan il-blat jista’ jintuża biex tibni bih, filwaqt li l-blat li fforma warajh, huwa aktar artab, peress li fforma f’ambjent iktar fond mill-ewwel saff. Irridu nżommu f’moħħna li kull saff dam miljuni ta’ snin biex ifforma, allura l-livell tal-baħar ivarja.

Jekk qatt xi darba mortu tgħumu Delimara, jew imxejtu fuq l-għoljiet tal-Munxar fil-limiti ta’ Wied il-Għajn stajtu tinnutaw il-ġmiel bajdani li dan il-ġebel kapaċi joffri. Il-blat t’hawnhekk huwa s-saff ta’ fuq tal-franka, fil-fatt l-iktar saff artab tal-franka. Peress li l-blat jittiekel malajr, jiġu ffurmati għerien li wara xi żmien jisfrundaw. Dawn jiffurmaw minħabba l-mewġ tal-baħar li jħabbat magħhom. Mnalla li l-biċċa l-kbira tal-franka tħares lejn in-naħa tan-Nofsinhar ta’ Malta għax kieku tittiekel ħafna iktar malajr, peress li l-iktar riħ komuni ta’ Malta huwa l-Majjistral.

Ġara li l-ambjent tal-baħar inbidel madwar 15-il miljun sena ilu u fossili oħrajn bdew jiffurmaw saff ieħor magħruf bħala It-Tafal, bl-Ingliż Blue Clay minħabba l-kulur blu li jkollu meta jixxarrab. Dan is-saff huwa l-iktar saff artab mill-blat Malti kollu. Tant huwa artab li tista’ tgħaffġu b’idejk. Tant u hekk, li kien jintuża biex jagħmlu xi skutelli, buqari jew saħansitra xi statwi tal-fuħħar. Qatt xi darba iżżerżaqtu fl-għoljiet tat-tafal ħdejn il-plateau tal-Qarraba bejn il-Ġnejna u Għajn Tuffieħa? Tinnutaw kemm jitfarrak faċilment?

Minħabba din il-karatteristika partikolari, jaf xi kultant iqarraq ftit bina. Aħna mingħalina li dan is-saff huwa oħxon, imma peress li faċli jitfarrak, dan jiżżerżaq fuq il-blat ta’ taħtu li jiġi l-franka. Eżempju ċar huwa l-post li semmejna, li għatta biċċa kbira mis-saff tal-franka. Karatteristika oħra interessanti hija li t-tafal huwa l-uniku saff li ma jgħaddix minnu l-ilma. B’hekk iżomm l-ilma fuqu u jħalli l-art niedja u mxarrba. Għalhekk, ħafna jgħidu li l-gżira t’Għawdex hija iktar ħadranija minn Malta, u hekk hu nfatti, minħabba li dan is-saff tat-tafal jinsab fi kwantità ikbar minn ta’ Malta.

Dan it-tafal ma jħaddarx biss l-ambjent iżda joħloq karatteristiċi sbieħ fil-kampanja Maltija. Diversi nixxigħat li nsibu fil-gżejjer Maltin huma grazzi għal dan il-fatt. Mhux hekk biss, iżda dan is-saff għandu rwol importanti ħafna f’ħajjitna. Kontu tafu li huwa sors ieħor minn fejn inġibu l-ilma fid-dar tagħna apparti r-reverse osmosis? Dan insejħulu akwiferu aquifer, għax kapaċi jżomm l-ilma fuqu. 

Madwar 10 miljun sena ilu, l-ilma tal-baħar reġa’ beda jogħla, biex b’hekk beda jifforma blat ieħor, jismu l-Ġebla s-Safra jew Rina, bl-Ingliż  Greensand. Imlaqqam hekk minħabba l-kulur tiegħu, kulur isfar fl-aħdar. Meta jkun espost, jiġifieri meta jmiss mal-arja, dan jieħu kulur oranġjo. Dan huwa l-iktar saff irqiq fil-ġeoloġija ta’ pajjiżna li jvarja bejn ftit ċentimetri sa massimu ta’ 11-il metru ta’ ħxuna fl-għolja tal-Gelmus, Għawdex. Bħat-tafal, dan jitfarrak u għalhekk mhuwiex tajjeb biex tibni bih.

Tliet miljun sena wara, jiġifieri 7 miljun sena ilu, beda jifforma l-aħħar u l-iktar saff żagħżugħ fil-ġeoloġija Maltija, il-Qawwi ta’ Fuq jew bl-Ingliż Upper Coralline Limestone. Dan jixbah ħafna lill-Qawwi ta’ Taħt, minħabba l-ambjent u l-fossili simili li sawru dan il-blat. Dan il-blat huwa iebes ħafna u huwa l-uniku blat li jidher minn fuq il-livell tal-baħar tal-gżira ta’ Kemmuna. Peress li waħda mill-karatteristiċi ta’ dan il-ġebel hi li huwa iebes, dan jissaporti l-impatt tal-mewġ u tar-riħ, tant li fih jiffurmaw bħal ħofor żgħar li jagħtu l-opportunità lill-ħamrija ħamranija sabiex tkabbar xi pjanti jew arbuxelli żgħar. Għalhekk, il-gżira ta’ Kemmuna ma tantx naraw siġar.

Biex sa fl-aħħar, madwar 10 miljun sena ilu, il-blat Malti beda jidher fil-wiċċ tal-ilma baħar minħabba qxur tettoniċi li huma dawk tal-Afrika u tal-Ewrasja li ħabtu ġo xulxin, biex b’hekk il-blat li fforma taħt il-baħar tela’ fil-wiċċ tal-baħar. Kieku ma sarx hekk, kieku ħadet iktar żmien biex il-blat jitla’ ’l fuq mill-baħar.

Il-blat Malti hu magħmul mill-ġir u dan jagħmlu vulnerabbli għal xita aċiduża. Xita aċiduża hija xita li tkun imħallta bit-tniġġis tal-arja u li hi kkawżata minn vetturi, fabbriki u kull magna oħra li biex taħdem ikollha bżonn taħraq il-karburanti fossili bl-Ingliż jissejħu fossil fuels, bħal pereżempju faħam, żejt jew gass. Id-diżil u l-petrol huma magħmula miż-żejt – kważi l-vetturi kollha li għandna f’pajjiżna jaħdmu b’dan il-mod.

Meta joħroġ id-duħħan mill-karozzi jew muturi tagħna, inkunu qegħdin inħammġu l-arja bil-gass tad-diossidu tal-karbonju carbon dioxide, diossidu tal-kubrit sulphur dioxide, u anke ossidu tan-nitroġenu nitrogen oxide. Id-diossidu tal-karbonju huwa wieħed mill-gassijiet serra magħruf ukoll bħala greenhouse gas. Grazzi għal dan, il-klima qiegħda tinbidel. Iż-żewġ gassijiet l-oħra jitilgħu ’il fuq u jitħalltu mal-ilma fis-sħab, biex b’hekk jinbidlu f’likwidi u b’hekk ikollna xita aċiduża.

Meta tinżel din ix-xita, apparti li tagħmel ħsara lill-ambjent, tinsel ukoll fuq bini jew statwi magħmulin mill-ġebla tal-franka. Hawnhekk ta’ min isemmi li l-ilma tax-xita aċiduża jiekol il-ġebla tal-ġir limestone. Għalhekk huwa importanti ħafna li kemm jista’ jkun nużaw mezzi oħrajn ta’ kif aħna mmorru minn post għall-ieħor – bil-miexi jew inkella b’xi rota, speċjalment jekk ma jkollniex bogħod. Tajjeb għalina u anke għall-ġenerazzjonijiet tal-futur. 

Share With: