Il-Bundesliga se tirritorna fis-16 ta’ Mejju

Il-Kampjonat Ġermaniż, se jkun qed jirritorna mis-16 ta’ Mejju bis-26 ġurnata. Dan wara li l-istess kampjonat ilu sospiż mit-13 ta’Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Dan tħabbar mill-German Football League (DFL), li tirrapreżenta s-36 team tal-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni fil-Ġermanja, fejn ħa din id-deċiżjoni ftit sigħat wara li l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel tat il-permess meħtieġ biex il-football jitkompla.

Id-deċiżjoni tqieset bħala ftit jew wisq kontroversjali bi clubs bħal Werder Bremen u Mainz 05 li preċedentament kienu talbu ġimgħa aktar biex il-players ikunu reġgħu bdew jitħarrġu sew.

Il-players kollha fil-Ġermanja se jkunu obbligati jmorru kwarantina għal sebat ijiem fiż-żmien li jkunu miġburin għal irtir qabel ma jitkomplew il-partiti u se jkunu ttestjati regolarment.

Il-pjan ġie mfassal mill-president tal-istess assoċjazzjoni Christian Seifert bl-ewwel sitt logħbiet jintlagħbu fl-ewwel ġurnata li dan il-kampjonat jirritorna.

L-aktar partita li tispikka se tkun id-derby bejn Borussia Dortmund u Schalke 04.

Dan filwaqt li ċ-champions Bayern Munich li jinsabu fil-quċċata tal-klassifika, jilagħbu barra minn darhom kontra Union Berlin.

L-assoċjazzjoni ħabbret ukoll li l-logħbiet kollha se jkunu qed jintlagħabu taħt sigurtà stretta, mingħajr partitarji kif ukoll se jkunu osservati l-pariri mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan filwaqt li madwar 300 persuna, fosthom players, staff u uffiċjali se jkunu ġewwa jew madwar l-istadia fil-ġurnata tal-logħba.

Share With: