Il-coronavirus kif biddlitilna l-mod kif inħarsu lejn il-ħajja?

Minn KAREN BISHOP

Illum 15 ta’ Mejju huwa l-Jum Internazzjonali tal-Familja. Din is-sena qed niċċelebraw din l-okkażjoni b’mod naqra partikolari hekk kif bħala pajjiż qed nissieltu mal-Covid-19 bħall-maġġoranza tad-dinja. Il-ħajja ta’ kulħadd inbidlet bħalissa, min ftit u min ħafna. Bħala Terapista tal-Familja, ħafna koppji u familji tkellmu miegħi fuq kif dir-realtà biddlet il-mod kif iħarsu lejn il-ħajja. Dak li qalli wieħed raġel laqatni b’mod partikolari. Ikkummenta li ħafna nies, huwa fosthom, ifittxu l-kuntentizza fl-akkwist li jmiss, fis-safra li jmiss, fil-post ta’ divertiment li se jżur fi tmiem il-ġimgħa. Hekk kif dawn l-affarijiet għosfru tal-inqas għal ftit, qal li reġa’ tgħallem iħares mill-bieb ’il ġewwa u donnu sar jaf lil familtu mill-ġdid. Għamel premura li jgħidli li ma jfissirx li f’daqqa waħda sab ġenna tal-art, imma reġa sab fih il-ħeġġa li jinvesti fir-relazzjonijiet ma’ dawk l-aktar għeżiez għalih.

Dan stedinni biex naħseb dwar kemm tassew nagħtu lilna nfusna ċ-ċans li nwarrbu ftit dak li jaljena u nħarsu ta’ veru lejn min jgħix magħna. Kemm ilek ma tħares sewwa lejn il-partner tiegħek biex tinnota dak li huwa/hija għaddej/għaddejja minnu? Spiss naħsbu li nkunu nafu, imma meta nistaqsu sewwa nindunaw li dejjem għad hemm x’tiskopri dwar min jgħix taħt is-saqaf tagħna stess. Bl-istess mod it-tfal jikbru, jinbidu, spiss wiċċhom mgħaddas fit-tablet u forsi ma nifhmux biżżejjed ir-realtà li huma qed jgħixu.

Din is-sena l-Institute of Family Therapy Malta jagħlaq għaxar snin mit-twaqqif tiegħu. Matul daż-żmien kellna x-xorti li niltaqgħu ma’ mijiet ta’ familji u studenti li għoġobhom jużaw is-servizzi tagħna. Kull familja kienet unika u ġabet magħha ċirkustanzi differenti. Li jgħaqqad lil kulħadd kienet ix-xewqa li nsaħħu u ngawdu iżjed ir-relazzjonijiet mal-għeżież tagħna. Li għallmuna l-ħafna familji li ltqajna magħhom, huwa li s-sigriet tal-kuntentizza fir-relazzjonijiet mhuwiex li jiena naħseb u ninsisti li nieħu dak li għandi bżonn jiena mill-partner jew minn uliedi, imma li jien naħdem biex noffri dak li għandhom bżonn huma mir-relazzjoni tagħna. Jekk kollha nagħtu kas xulxin ħadd mhu se jbati.

Ta’ min wieħed jgħid  li fil-verità dak li nisimgħu jkun jixxiebaħ ħafna minn persuna għall-oħra. Donnu ħafna minna mxennqa għal daqsxejn wens. Kollha kemm aħna nixtiequ nħossuna maħbuba billi ta’ madwarna jisimgħuna, jaċċettawna ta’ li aħna u juruna apprezzament għal dak li nippruvaw noffru. Jekk nidħlu naqra f’qoxritna, tajjeb li nagħmlu naqra eżami ta’ kuxjenza u naraw fejn qegħdin.

Ma’ kif nindukraw il-familji tagħna, jiġi wkoll il-ħsieb dwar kif se niċċelebrawhom u ngawduhom aħjar. Allura jkun tajjeb li f’ġurnata bħal din nivvintaw xi attività bħala familja, nitkellmu xi ftit iżjed bejnietna jew nilagħbu xi logħba flimkien. F’daż-żmien daqsxejn partikolari forsi ma nistgħux nitħalltu tant, jew immorru għand xulxin, imma xorta ninkludu nanniet, zijiet, kuġini, aħwa b’xi telefonata jew bil-bosta apps moderni li nistgħu nużaw. Nistieden lil min qed jaqra dan l-artiklu biex jaqsmu ma’ ħaddieħor u jsib mod sempliċi jew kreattiv biex jgħid lill-membri tal-familja “nħobbok”.

Karen Bishop hija Terapista tal-Familja, u waħda mid-Diretturi tal-Institute of Family Therapy – Malta, ċentru ta’ taħriġ għat-terapija u oqsma soċjali, u ċentru ta’ għajnuna għall-familji.

Share With: