“Il-Covid-19 ma waqqafnix milli nibni relazzjoni tajba mat-tarbija tiegħi”

Miktub Minn Carmen Cachia          

Il-wasla tal-ewwel tarbija f’familja huwa avveniment uniku fil-ħajja ta’ koppja. Għal dik l-omm ħerqana li wara disa’ xhur ta’ stennija, tkun tista’ fl-aħħar iżomm f’idejha lil dik iċ-ċkejkna kreatura tagħha, hija żgur l-akbar ferħ li mara qatt tista’ tħoss f’ħajjitha. L-imħabba tal-omm hija kbira u fi żmien il-festa ta’ Jum l-Omm, dan is-sit ħaseb li jitkellem ma’ Lorraine Galea, omm friska li kellha l-ewwel tarbija tagħha proprju ftit ġranet qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 f’pajjiżna. Hija taqsam magħna t-trobbija tal-ewwel xhur tat-tarbija tagħha, Josmar, kif ukoll l-isfidi li qiegħed ikollha tiffaċċja f’dan il-perjodu tant partikolari fl-istorja umana.

Dan il-virus, li huwa ta’ theddida serja għas-saħħa pubblika, huwa wkoll ir-raġuni li ttieħdu diversi miżuri drastiċi fosthom il-lockdown f’pajjiżna, kif ukoll madwar id-dinja kollha. Dawn il-miżuri biddlu l-ħajja ta’ kulħadd u l-pjanijiet li wieħed kien għamel għall-futur tiegħu u tal-għeżież tiegħu, inqalbu ta’ taħt fuq. 

L-istess huwa fil-każ ta’ dawk l-ommijiet friski bi trabi tat-twelid. Għal Lorraine l-prijorità tagħha bħala omm kienet li tibni relazzjoni (bond) tajba bejna u bejn it-tarbija tagħha. Barra minnhekk hija dejjem ħolmot li taqsam il-ferħ tal-wasla l-ġdida mal-qraba tagħha bħan-nanniet, iz-zijjiet u l-ħbieb, kif ukoll li tmur għal xi passiġġata fil-kwiet fejn il-baħar bil-pram u li tieħu xi kafè ma’ ommijiet oħra biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien.

Il-wasla taċ-ċkejken Josmar kienet fit-3 ta’ Frar, xahar qabel ma bdew ifeġġu l-ewwel każijiet ta’ Covid-19 f’Malta. Lorraine qalet lil dan il-ġurnal li minn dan il-lat hija kienet fortunata mmens għax almenu s-sieħeb tagħha kien preżenti biex jgħinha u jagħtiha s-sostenn tant meħtieġ waqt il-ħlas. Dan ma jfissirx però, li wara ma kellhiex tiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli minħabba l-pandemija tal-Coronavirus. 

Jgħaddu kull tip ta’ ħsibijiet…

“Bħala omm l-aktar ħaġa importanti hija li tagħmel bond mat-tarbija tagħha u fil-każ tal-Covid-19, lili ma waqqafnix milli jkolli relazzjoni tajba mat-tarbija. Iżda t-tieni ħaġa li dejjem xtaqt kienet dik li t-tarbija jkollha relazzjoni tajba mal-bqija tal-familja tiegħi u tas-sieħeb tiegħi. Minħabba s-social distancing, bħala familja m’aħniex niltaqgħu. Allura, sfortunatament, ma tantx tista’ tibni relazzjoni tajba bejn it-tarbija u l-bqija tal-familja,” qalet b’dieqa Lorraine. Din l-omm temmen li din hija l-akbar differenza li hemm li tkun omm ġdida f’dawn iż-żminijiet minn żminijiet oħra li m’hemmx il-Covid-19.

Hija qalet li omm ma tantx tieħu pjaċir li l-wasla tat-tarbija tagħha tasal f’perjodu fejn ikun hemm pandemija serja bħal din. Dan minħabba li jibdew jgħaddu kull tip ta’ affarijiet minn moħħ l-omm fosthom l-isfidi fl-isptar minħabba li wieħed irid iqis li dan huwa każ li mhux sempliċiment tmur twelled it-tarbija u toħroġ, iżda hemm il-perjodi importanti ta’ qabel u wara li jinkludi viżti u tilqim fost l-oħrajn. 

“Triq toqgħod b’seba’ għajnejn u tiġi bejn ħaltejn jekk tmurx jew le. Fil-fatt kulħadd jistaqsi l-istess mistoqsijiet,” spjegat Lorraine. Din l-omm hija membru fi grupp fuq Facebook ta’ nisa li se jwelldu jew li diġà welldu, fejn kulħadd jaqsam l-esperjenzi, it-tbatijiet u d-diffikultajiet tagħhom f’dan ir-rigward. Hija qalet li anke l-esperjenza tal-breast feeding kienet sfida f’dan il-perjodu minħabba li klinika hemm waħda biss u minħabba l-pandemija bdew jgħidulhom biex jevitaw li jmorru. Bħala omm hija dejjem xtaqet tagħti dan it-tip ta’ nutriment lit-tarbija tagħha minħabba li taf bil-benefiċċji kbar li għandu, iżda minħabba l-Coronavirus ħassitha pjuttost waħdiha u b’nuqqas ta’ gwida.

Lorraine qalet li għalkemm mhux il-każ tagħha, taf b’ommijiet friski li sfortuntament f’dan il-perjodu qegħdin iħossuhom waħidhom. Meta hija applikat għal-leave tal-maternità, din l-omm diġà kienet taf kif se tqassam il-ħin liberu tagħha tgawdi lit-tarbija fosthom billi tmur timxi fejn il-baħar, tieħu lil Josmar picnics, kif ukoll għal attivitajiet oħra pjaċevoli barra ma’ qraba u ħbieb. Minħabba l-virus “sfortunatament dan ma kellux ikun”.

Din l-omm qalet li dik li mara tispiċċa waħidha ġurnata sħiħa għax ir-raġel ikun ix-xogħol u tkun magħluqa fid-dar qisha f’ħabs, tista’ twassal għal riskju akbar ta’ post natal depression u hawn wieħed irid joqgħod attent ħafna għall-benesseri kemm tal-omm, kif ukoll dak tat-tarbija tagħha.

Lorraine kompliet tispjega li għaliha sabet li huwa ta’ benefiċċju kbir li, bil-prekawzjonijiet kollha skont id-direttivi mill-awtoritajiet tas-saħħa, tmur passiġġata biex tħossha ftit aħjar u dan minħabba li jagħmlilha l-ġid kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll minn dak mentali.

“L-għajnuna tiswa ħafna”

Mistoqsija dwar jekk hiex tingħata għajnuna minn dawk viċin tagħha u mill-Gvern, Lorraine qaltilna li fortunatament is-sieħeb tagħha jmidd idejh fid-dar fosthom li jsajjar huwa. Għaliha din it-tip ta’ għajnuna hija imprezzabbli f’dan il-perjodu li hija ddedikata totalment għall-kura taċ-ċkejken Josmar.

Barra minnhekk hija qalet li fl-ewwel tliet ġimgħat mit-twelid ta’ binha, ommha kienet tmur tgħinha, iżda wara li ħarġu l-miżuri ta’ prevenzjoni biex ma jinxteridx il-virus, din ma setgħetx tmur tgħinha aktar fil-faċendi. Fl-istess ħin hija żiedet tgħid li għalkemm hemm ir-restrizzjonijiet, ommha xorta baqgħet tagħtiha daqqa t’id kif tista’ billi tixtrilha xi bżonnijiet u tħallihomlha wara l-bieb tad-dar.

“Rigward għajnuna mill-Gvern, jien kuntenta u grata għall-miżuri ġodda li għamel favur il-familja, fosthom dik tas-somma ta’ €300 li tħabbret is-sena l-oħra u dik minn Chris Fearne li se tingħata tilqima ġdida bla ħlas li qabel kienu jħallsu madwar €200 għaliha,” tennet Lorraine.

L-akbar biża’ ta’ din l-omm friska hija li jew timrad hi jew it-tarbija tagħha. “Ovvjament ikolli nagħżel, nagħżel li nimrad jien u mhux Josmar imma naf li jekk nimrad jiena t-tarbija se tbati. Dan kif għidt, jien nixtieq inkompli nagħti lil ibni l-ħalib tas-sider u għalkemm xorta nista’, dejjem se jkun hemm limitazzjonijiet,” stqarret din il-mara. 

Lorraine qaltilna li barra minnhekk, ir-relazzjoni li rnexxielha tibni mat-tarbija tagħha żgur li se tbati ħafna jekk f’din l-età bikrija jiġu mifruda. Hija tibża’ wkoll li jimirdu l-qraba u n-nies in ġenerali, fejn stqarret li jiddispjaċiha ħafna kull meta tisma’ li hemm persuni li qegħdin jimirdu b’din il-marda tant kerha. 

Min-naħa tagħha hija tawgura lin-nisa tqal kollha li jkollhom ħlas sabiħ u issa li ħarġet l-aħbar tajba li l-irġiel jistgħu jerġgħu jibdew jidħlu fis-swali mas-sieħba biex jagħtuha s-sostenn meħtieġ waqt il-ħlas, temmen li l-koppji se jgawdu mumenti sbieħ flimkien. “Din hija xi ħaġa sabiħa ħafna u jien kont fortunata li esperjenzajtha għax is-sieħeb tiegħi kien preżenti għat-twelid tat-tifel tagħna Josmar,” qalet bi tbissima Lorraine.

Bħala messaġġ għall-ommijiet kollha, speċjalment dawk bit-trabi tat-twelid u dawk li għadhom fil-perjodu tat-tqala, hija qaltilhom biex jieħdu paċenzja u ma joħorġux ħlief għal xi appuntamenti jew għal affarijiet urġenti.

Share With: