Il-Covid-19 toħloq ansjetà f’ġenituri ta’ tfal b’diżabilità

L-Aġenzija Sapport b’pariri biex tindirizza s-sitwazzjoni

Minn CLAUDIO COLEIRO

Il-Covid-19 ġabet magħha ansjetà ġdida fost il-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità minħabba l-biża’ li din tista’ taffettwa ħażin saħħet uliedhom.

Dan ġie nnutat minn Ruth Sciberras, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, meta kienet qed titkellem magħna dwar il-ħidma li qiegħda tagħmel l-aġenzija biex tgħin lill-istess ġenituri f’dawn iż-żminijiet li ninsabu fihom.

Minħabba li ma jistgħux jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-klijenti, l-aġenzija ħasbet biex kull ġimgħa torganizza webinars li qed jattiraw medja ta’ 80 ġenitur f’kull wieħed. F’dawn il-webinars ikunu diskussi suġġetti varji u fihom il-ġenituri jingħataw pariri professjonali dwar kif għandhom jadattaw ruħhom f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Sciberras bdiet billi qalet li l-aġenzija tinsab f’kuntatt kontinwu ma’ dawn il-ġenituri fejn tisma’ x’għandhom xi jgħidu u fl-istess waqt jgħinuhom fil-problemi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom. 

“L-aktar ħaġa li qed jgħidulna bħalissa kemm hi diffiċli s-sitwazzjoni peress li hemm it-tfal, speċjalment għal dawk il-persuni b’diżabilita li għandhom diżabilità intelletwali u mhux qed jifhmu x’qed jiġri. Allura din toħloq ħafna stress fil-familja.”

“Meta jkollok tfal jew persuni b’diżabilità b’awtiżmu fil-familja jew inkella jkollhom diżabilità intellettwali, dawn ma jkunux jafu jesprimu ruħhom, jkun hemm ċertu frustrazzjoni, din issir f’rabja u anke jsiru aggressivi lejn il-membri tal-familja tagħhom li tant iħobbuhom u jridu jipproteġuhom. Dik hi xi ħaġa li l-ħin kollu jgħidulna,” qalet Sciberras. 

Hija kompliet tgħid li l-aġenzija qiegħda tkun ta’ sostenn għal dawn il-ġenituri billi torganizzalhom webinars kull nhar ta’ Tlieta fis-2.00 p.m.. Qalet li s-suġġetti huma varji, bl-ewwel webinar, li sar ix-xahar li għadda, jitratta dwar kif il-familjari jistgħu jiżviluppaw rutina adattata għall-kuntest tagħhom u jitwieżnu permezz ta’ pariri professjonali.

Hija qalet li kien hemm ġenituri li wrew it-tħassib tagħhom fuq kemm uliedhom qiegħdin iqattgħu ħin fuq il-mezzi soċjali u anke online. “Bdejna ntuhom pariri ta’ kif jibbilanċjaw bejn ħin li jqattgħu fuq il-gadgets għal li jilagħbu t-tfal jew ittuhom struttura x’jistgħu jagħmlu iżjed,” qalet Sciberras. 

“Li rajna wkoll l-ansjetà kbira. Dan huwa punt ieħor li qajmu l-ġenituri. Id-diżabilità hija wiesa’ ħafna. Għandek persuni li jkollhom problemi ta’ qalb, ta’ nifs u mard ieħor li dawn anke influwenza normali tista’ tkun ta’ periklu għalihom u jispiċċaw l-isptar aħseb u ara virus bħal dan.”

“Immaġina din x’ansjetà tqajjem fil-familji li jkollhom dawn il-persuni b’diżabilità severa xi tqajjem fihom jekk allaħares jiġu kkontaminati dawn il-persuni. Dik l-ansjetà li qed toħloqilhom li aktar ma mmorru aktar qed titwal allura qishom mhux jaraw id-dawl fit-tarf tal-mina,” tenniet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport.

Sciberras enfasizzat ukoll li f’dawn il-webinars ġie trattat l-aktar l-appoġġ emozzjonali, għax kienet xi ħaġa mixtieqa ferm minn dawn il-ġenituri li xtaqu dan l-appoġġ. Hija temmet tgħid li dawn il-webinars se jibqgħu jsiru sal-aħħar ta’ Ġunju u fost suġġetti oħra se jitrattaw fuq kif l-aħwa jistgħu jissapportjaw aħwa oħra li huma b’diżabilità.

Share With: