Il-Covid-19 twassal għal tnaqqis sinjifkanti ta’ nies li qagħdu f’lukandi fl-ewwel tliet xhur tas-sena

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, meta pajjiżna addotta sensiela ta’ miżuri ta’ trażżin u introduċa wkoll projbizzjoni ta vjaġġar b’prekawzjoni kontra l-imxija tal-COVID-19, in-numru ta’ dawk li qagħdu f’stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva naqsu bi 18.2% meta kkomparat mas-sena l-oħra, waqt li naqsu wkoll b’21.5% l-iljieli li dawn għamlu.

Bejn Jannar u Marzu 2020, l-għadd ta’ persuni li qagħdu f’lukandi u stabbilimenti oħra ta’ akkomodazzjoni kollettiva ammonta għal 304,564, li b’kollox qattgħu aktar minn 1.3 miljun lejl. Fost dawn, l-aktar li qagħdu kien f’lukandi ta’ 4 stilel u li b’kollox qattgħu 679,215-il lejl jew 51% tal-iljieli totali.

Bħala medja, kull persuna għamlet 4.4 iljieli meta l-medja reġistrata fl-ewwel tlett xhur tas-sena 2019 kienet 4.6 iljieli. L-użu nett tas-sodod disponibbli niżel b’10.3 punti perċentwali.

Skont statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, f’Marzu li għadda fil-gżejjer Maltin kien hawn 212-il stabbiliment li joffru akkomodazzjoni kollettiva. Dawn bejniethom kellhom 18,881 kmamar tas-sodda b’kapaċità ta’ 43,506 post fejn wieħed seta’ jorqod.

Share With: