Il-Covid-19 u l-kriminalità

Minn RUBEN BRIFFA

Minkejja l-imxija tal-virus, il-pulizija ta’ ħafna pajjiżi madwar id-dinja żammew il-kuntatt ma’ xulxin sabiex ikomplu l-kollaborazzjoni li kellhom qabel faqqgħet il-pandemija fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali. Dan l-aħħar ħareġ rapport imħejji minn diversi kapijiet tal-pulizija ta’ pajjiżi differenti li fih ġie deskritt kif il-Coronavirus affetwat ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżhom kif ukoll dik internazzjonali.

Il-kriminali fil-lockdown ukoll

Ħafna pajjiżi rrappurtaw tnaqqis kbir fin-numru ta’ każi ta’ diversi tipi ta’ offiżi kriminali. Pereżempju, fil-Pakistan, wieħed mill-aktar pajjiżi fid-dinja minn fejn jinsterqu karozzi u vetturi oħra, kien hemm tnaqqis kbir ħafna fis-serq ta’ vetturi, fejn in-numru ta’ karozzi misruqa kull ġimgħa sirt tgħoddhom fuq id waħda. 

El Salvador, pajjiż b’waħda mill-akbar rati ta’ omiċidji madwar id-dinja, rrapporta tnaqqis kbir fin-numru ta’ nies maqtula. Tant huwa hekk, li l-kap tal-pulizija ta’ dan il-pajjiż fl-Amerika Latina ħabbar li għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, kien hemm ġranet fejn ma kienx hemm rrappurtat l-ebda omiċidju. 

Il-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, li kien mifni bl-imwiet ikkaġunati minn dan il-virus, għall-anqas ħa xi ftit nifs rigward il-kriminalità matul l-imxija tal-virus għaliex minn Marzu li għadda, kien hemm tnaqqis ta’ xejn anqas minn 70% fin-numru ta’ offiżi kriminali meta mqabbel ma’ dak tal-istess xhur tas-sena l-oħra.

Biss, komunikat maħruġ mill-Interpol, rrakkomanda li l-figuri ta’ tnaqqis fil-kriminalità, hekk kif irrappurtati fuq dan ir-rapport li semmejna aktar ‘il fuq, jittieħdu b’ċertu kawtela. Dan għaliex, minkejja li pajjiżi bħall-Italja rrappurtaw tnaqqis ta’ kważi 50% fuq ir-rapporti ta’ vjolenza domestika fuq is-sena l-oħra, l-Interpol qiegħda ġustament tibza’ li ħafna mill-każi ta’ vjolenza domestika mhumiex qegħdin jiġu rrappurtati, minħabba li l- vittmi qegħdin ikunu l-ħin kollu taħt għajnejn l-aggressur.

Mhux kollox mar sewwa 

Fl-Istati Uniti, l-pjaga tal-użu ħazin tad-dritt li ghandu kull ċittadin Amerikan li jżomm arma tan-nar kompliet tikber waqt l-imxija tal- Covid-19. Fil-fatt, fl-ewwel 40 jum minn meta beda jinfirex il-virus f’ dan il- pajjiz, in-numru ta’ qtil permezz ta’ dawn il-misħuta armi, żdied b’madwar 7,000 meta mqabbel mal-istess perjodu tal- 2019. Dan il-fenomenu kien diġa’ mmanifesta ruħu madwar mitt sena ilu, meta dan il-pajjiż kien intlaqat bil-pandemija tal-influwenza Spanjola. 

Ir-raġuni għal dan il-fenomenu qiegħed jiġi attribwit għal żewġ fatturi. L-ewwel wieħed huwa dak li meta persuna jkun il-ħin kollu maqful ġewwa daru, minħabba l-lockdowns, tiżdiedlu t-tensjoni u dan ikabbar iċ-ċans ta’ ġlied ma’ dawk ta’ madwaru. Il-fattur l-ieħor huwa li minħabba l-lockdowns, l-kriminalità organizzata, bħall-mafja Amerikana, qiegħda ssibha aktar faċli sabiex issib lil dawk li hija tkun ikkundannathom għall-mewt.

Il-krizi tal-Coronavirus naqset is-sorsi ta’ qligħ għal diversi gruppi kriminali. Kienet din ir-raġuni prinċipali mogħtija mir-rapport imsemmi aktar ‘il fuq għaż-żieda fil-hold-ups ta’ banek fil-Brażil. Minkejja li ġie rrappurtat li kien hemm ħafna telf ta’ flus li l-kriminali li kienu jiġbru mingħand in-negozjanti sabiex “jipproteġuhom”, dawn il-gruppi jingħad li diġa’ avżaw lin-negozjanti li sejrin ikunu qegħdin jitolbuhom il-flus b’lura malli jerġa’ jibda n-negozju.

Il-Covid-19 iżid il-kreattività tal-kriminali

L-akbar biża’ tal-Interpol, kif ukoll tal-pulizija l-oħra, hija li l-kriżi ekonomika li mistennija tolqot lid-dinja għal diversi xhur, jekk mhux snin, wara li tkun għaddiet il-pandemija, taf tagħti aktar opportunitajiet lill-kriminalità organizzata sabiex tinfiltra aktar fl-ekonomiji tal-pajjiżi l-aktar milquta ħażin.

Diġa’ bdejna naraw gruppi ta’ kriminali bla skrupli li qegħdin jinqdew bl-okkażjoni sabiex jisirqu lin-nies vulnerabbli. Pereżempju, fl-Afrika t’Isfel, ħafna nies innocenti ngidmu bil-kbir meta grupp ta’ kriminali marru fi djarhom sabiex jigbru xi flus wara li skont huma, l-Bank Centrali kien habbar li dawn kienu kkontaminati bil-Coronavirus, meta dan ma kien veru xejn. 

Barra minnhekk, rajna wkoll żieda fil-kuntrabandu ta’ diversi medicini li ħafna minnhom instabu li kienu perikolużi għas-saħħa tal-bniedem. Ħafna nies xtraw dawn il-mediċini għaliex bellawhielhom li kienu xi forma ta’ vaċċin għal kontra l-Coronavirus. L-aktar qasam li fih il-kriminali sabu sors minn fejn jagħmlu frodi, kien dak tal-ilbies protettiv, li n-nies qegħdin ikunu mitluba jilbsu mis-Supretendenti tas-Saħħa Publika madwar id-dinja sabiex bih tiġi kkontollata l-pandemija. 

Spikkat il-frodi li kienet sejra ssir fil-Ġermanja, fejn grupp internazzjonali ta’ nies kriminali kważi rnexxielu jisloħ lill-awtoritajiet tas-saħħa Ġermaniżi madwar żewġ miljun u nofs ewro għal kunsinna ta’ maskri protettivi, kunsinna li ma saret qatt. Dan il-grupp kien ħejja pjan tassew ikkumplikat li kien jinvolvi nies kriminali fil-Ġermanja, fl-Olanda, fi Spanja u saħansitra fin-Niġerja. Minkejja li l-Interpol irnexxielha tkisser lil dan il-grupp, xorta teżisti ħafna biża’ li offiżi simili jistgħu jirnexxu fil-futur.

Offiżi kriminali mill-kumdità tad-dar

Bill-maġġoranza tal-kriminali madwar id-dinja maqfula f’lockdown, l-immaniġġjar ta’ offiżi kriminali tradizzjonali bħall-prostituzzjoni u traffikar tad-droga sar kważi impossibli. Mod attraenti sabiex dawn in-nies bla skrupli jkomplu l-attività kriminali tagħhom, fi żmien il-Covid-19, hija l-kriminalità ċibernetika. Spikkat iż-żieda tal-pornografija fuq l-internet kif ukoll il-logħob illegali tal-ażżard ġie trasferit għal fuq l-internet.

Biss, l-offiżi kriminali ċibernetiki marru ħafna oltre’ minn hekk. Kellna każ verament infami fir-Repubblika Ċeka, fejn xi hackers infiltraw is-sistemi ta’ sptar prinċipali u saħansitra kellhom l-ardir li jitolbu ħlas sabiex iħallu lit-tobba jaċċessaw il-files ta’ pazjenti li kienu qegħdin jistennew li jsirulhom operazzjonijiet maġġuri. Dawn il-hackers waqqfu għalkollox l-operat ta’ dan l-isptar.

L-akbar pjaga ma tkunx affetwata

Sfortunatament, lanqas il-Covid-19 ma jidher li rnexxielu jrażżan l-aktar pjaga fid-dinja tal-kriminalità organizzata, jiġifieri l-produzzjoni tad-droga. Minkejja li t-traffikar tagħha ġie affettwat ħażin, il-produzzjoni tad-droga kompliet għaddejja b’mod regolari. Dan għaliex id-droga tista’ tiġi merfugħa f’imħazen kbar fil-foresti bħal dawk tal-Kolumbja u l-Peru. Fuq kollox, in-nies li jaħdmu fil-fabbriki fejn isiru l-proċessi tal-produzzjoni tad-drogi ma tantx ġew affetwati mill-Coronavirus għaliex ħafna drabi, dawn il-fabbriki jkunu f’postijiet iżolati mill-bqijja tal-popolazzjoni. Il-pulizija Afgana qalet li saħansitra kien hemm żieda fil-produzzjoni matul il-pandemija.

L-Interpol qiegħda ssegwi bir-reqqa l-istrateġiji l-ġodda li qegħdin jivvintaw it-traffikanti l-kbar sabiex jerġgħu jġibu d-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom għan-normal. Diġa’ qegħdin joħorġu diversi xnigħat li dawn it-traffikanti qeghdin jinvestu flejjes kbar mill-biljuni li għandhom, sabiex jibnu mini bejn il-Messiku u l-istat Amerikan tat-Texas, sabiex idaħħlu d-droga fl-Istati Uniti minn ġewwa fihom, issa li Trump għalaq għalkollox it-toroq fuq din il-fruntiera, minħabba l-Covid-19. 

Dan l-aħħar, dawn it-traffikanti anke użaw xi drones sabiex jaqsmu l-fruntiera tat-Texas. It-traffikanti Kolumbjani qegħdin jinvestu fi flotta ta’ vapuri u opri oħra tal-baħar sabiex dawn jieħdu post it-trakkijiet li kienu jintużaw sabiex id-droga Kolumbjana tasal għand il-klijenti Amerikani u Ewropej.

Ħafna Robin Hoods

Bħalma kien ġara fi Sqallija fit-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-mafja kienet għenet lill-Alleati fil-ġlieda kontra Mussolini, fil-gwerra preżenti kontra l-Coronavirus qegħdin naraw ħafna manuvri mill-kriminalità organizzata sabiex tagħmilha ta’ Robin Hood u tgħin f’din it-taqbida. F’El Salvador u fil-Brażil rajna lill-mafja lokali tgħin lill-pulizija sabiex jiġu rrispettati l-lockdowns imposti mill-awtoritajiet. 

Rajna wkoll lill-mafja Ġappuniża, magħrufa bħala l-Yakuza, toffri li tibgħat lin-nies tagħha sabiex jiġi diżinfettat vapur tal-passiġġieri li fuqu kien hemm xi każi ta’ infezzjoni bil-virus. Ma setax jonqos li l-mafja oriġinali, jiġifieri dik Taljana, wkoll tuża din is-sitwazzjoni sabiex iżżid il-popolarità tagħha. Dan wara li f’diversi bliet u rħula ġewwa Sqallija u f’reġjuni fin-nofsinhar tal-Italja, ġie rrappurtat li l-mafja kienet qiegħda tqassam l-ikel lin-nies.

Kif qal tajjeb dan l-aħħar il-kap tal-pulizija Taljana, l-aħħar ħaġa li jonqos jiġri fl-Italja sabiex tassew ikunu messu l-qiegħ wara din it-traġedja kollha, hija li jerġa’ jsir dak li kien ġara fl-Italja wara li kienet spiċċat it-Tieni Gwerra, jiġifieri li l-popolarità li kienu kisbu l-Mafja ta’ Sqallija u gruppi oħra bħal Camorra f’Napli u Ndrangeta fir-Reggio Calabria, kienet waslet sabiex in-nies ħassewhom obbligati li jivvutaw għal dawk il-politiċi li kienu jiġu mbuttati minn dawn il-kriminali gwappi.

Share With: