Il-filantropu biljunarju George Soros jemmen li l-Coronavirus tista’ ġġib tmiem l-Unjoni Ewropea

Il-filantropu biljunarju George Soros qed ibassar li l-pandemija tal-Coronavirtus tista’ ġġib it-tmiem tal-Unjoni Ewropea. Hu jesprimi d-dubji tiegħu dwar kemm din l-istituzzjoni tista’ ssalva peress li jsejħilha “unjoni li mhix kompluta”. 

F’intervista li saritlu mill-gazzetta The Independent tal-Ingilterra, l-anzjan qal li hu partikolarment imħasseb, mhux biss għax l-Unjoni Ewropea mhix unjoni kompluta, iżda wkoll minħabba li hi bbażata fuq is-saltna tad-dritt. Qal li dan ipoġġiha f’pożizzjoni aktar vulnerabbli mill-Istati Uniti. 

Hu saħaq li l-ingranaġġi tas-sistema ġudizzjarja jimxu bil-mod ħafna, filwaqt li theddid bħall-COVID-19 jimxu b’rata mgħaġġla ħafna. Qal li din toħloq problemi partkolari għall-Unjoni Ewropea. 

Semma wkoll deċiżjoni li ttieħdet riċenti fil-qrati tal-Ġermanja rigward il-Bank Ċentrali Ewropew, fejn il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża tat tliet xhur lil dan il-bank biex jispjega l-proporzjonalità tax-xiri tal-ishma jew inkella jirriskja li jitlef lill-Bundesbank (wieħed minn 19-il bank ċentrali nazzjonali li huma membri fil-Bank Ċentrali Ewropew) bħala wieħed mill-parteċipanti. Qal li din il-qorti talbet ukoll lill-Parlament Ġermaniż u lill-Gvern biex jisfida lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar din il-kwistjoni. 

Soros jemmen li dan il-pass jista’ jkisser lill-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni li hi bbażata fuq is-saltna tad-dritt għax din id-deċiżjoni ngħatat mill-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża li hi waħda mill-aktar istituzzjonijiet rispettati fil-Ġermanja. 

Mistoqsi dwar kif il-pandemija se tbiddel il-kapitaliżmu, Soros qal li kollox hu possibbli, minkejja li sostna li hu impossibbli li tbassar kif se jevolvi. 

Share With: