Il-Fjura tal-Orkideja

Minn Sarah Ghose Roy, Executive Science Communicator, Esplora


Ninsabu fir-rebbiegħa, u n-natura ta’ madwarna qamet sew mir-raqda tax-xitwa. In-naħal għaddejjin b’xogħolhom idakkru l-fjuri biex jagħtuna l-ħaxix u l-frott. F’qalb dan il-‘buzz’ kollu, hemm fjura partikolari li qed tilgħab b’qalb in-naħal. Din il-fjura hija l-Orkidej. 

L-Orkidej huma fjuri li jinsabu madwar id-dinja kollha, u kapaċi jieħdu kwalunkwe forma u kulur. Ħafna jafu jew semgħu, bis-sbuħija tal-Orkidej, imma ftit jafu bil-modijiet qarrieqa tagħhom. Bħal ħafna mill-fjuri l-oħra, l-Orkidej għandhom bżonn l-għajnuna tal-insetti biex idakkru l-fjuri u jkunu jistgħu jagħmlu aktar pjanti bħalhom. Imma f’nofs ir-rebbiegħa l-insetti għandhom għażla kbira ta’ pjanti xi jżuru. Minħabba dan, l-Orikdej iddeċidew li jqarqru bl-insetti billi jiġbduhom lejhom. 

Forsi bħalissa qed taħseb, “imma kif jista’ jkun pjanta tkun qarrieqa?” Il-ħajja tal-pjanti mhux faċli. Il-pjanti għaddejjin minn battalja kontinwa, biex jikkompetu mal-pjanti l-oħra ta’ madwarhom; għall-ispazju, għad-dawl, l-ilma u l-attenzjoni tal-insetti. Meta l-insetti jżuru l-pjanti, huma jieħdu ftit mit-trab tad-dakkir (pollen) tal-pjanta. Meta mbagħad iżuru pjanta oħra jħallu ftit minn dan it-trab fuq it-tieni pjanta. B’hekk, it-trab tad-dakkir taż-żewġ pjanti jitħallat, tiġi żviluppata  żerriegħa minnu, u meta din tinbet ikollna pjanta ġdida. Għalhekk huwa importanti li l-insetti jżuru lill-pjanti; u għalhekk l-Orkidej żviluppaw ħafna metodi biex jiġbdu l-insetti. 

Wieħed mill-aktar metodi komuni huwa li l-Orkidej jieħdu forma simili ħafna tan-naħal, biex dawn jidhru bħalhom; u barra minn hekk, jipproduċu wkoll ċertu riħa. Din ir-riħa tiġbed lin-naħal lejn l-Orkidej, u x’ħin jarawhom jaħsbu li l-fjuri huma naħal oħrajn bħalhom. In-naħal tant ikunu ferħanin li jkunu sabu insetti oħrajn bħalhom, li bil-ferħ tagħhom iduru mal-fjuri u jippruvaw ikellmuhom. Wara ftit in-naħal jindunaw li ġew imqarrqa, u jkunu ħlew ħafna ħin mingħajr ma jkunu ħadu xejn lura. Imma sakemm qagħdu jduru, l-Orkidej ikunu farfru ftit mit-trab tad-dakkir tagħhom fuqhom. Meta n-naħal iżuru Orkidej oħra, huma jħallu ftit minn dan it-trab warajhom, u l-Orkidej ikunu kisbu l-għan tagħhom.

Imma n-naħal mhumiex l-unika vittma tal-Orkidej. L-Orkidej iqarqu wkoll b’insetti oħrajn. Speċi partikolari ta’ Orkidej timita r-riħa ta’ laħam imħassar. Din ir-riħa tiġbed lid-dubbien, li għalkemm mhumiex maħbubin daqs in-naħal, jagħmlu ħafna xogħol simili. L-Orkidej ma jqarqux biss bl-insetti, imma bin-nies ukoll. Hemm ħafna speċi ta’ Orkidej li addattaw forom simili ta’ annimali oħra; bħal dawk tad-dubbiena l-kaħla (Mirror Orchid) li tinsab hawn Malta, ta’ brimba (Spider Orchid), ta’ wiċċ ta’ xadina (Monkey Orchid), kif ukoll ta’ għasfur se jtir (White Egret Orchid). 

Aħna xxurtjati li hawn Malta jgħixu xi membri tal-familja Orchidacea li jikbru f’Malta biss. L-Orkidej li jgħixu hawn Malta jafu jkunu biss ftit ċentimetri twal, u faċli tgħaddi minn ħdejhom mingħajr ma tinduna bihom. Sfortunatament, ma tantx se jkollna l-opportunità napprezzawhom. Dan minħabba l-iżvilupp ta’ toroq u bini li qed jheddu l-abitat tal-Orkidej. Tkun tassew ħasra li nitilfu fjuri daqshekk sbieħ u intelliġenti. Barra minn hekk, din it-telfa ma tkunx għal Malta biss, imma għad-dinja kollha; għax kif għidna, hemm membri tal-familja li jikbru hawn Malta u mkien iktar.  Għalhekk huwa importanti li nipproteġuhom, biex inkunu nistgħu napprezzawhom u biex ikomplu jsebbħulna l-kampanja tagħna. 

Fir-ritratt Orkida hamra (Anacampltis collina) u Dubbiena bikrija (Ophrys sp.)

Share With: