Il-flessibilità fl-użu tal-fondi hi kruċjali għar-riġenerazzjoni tal-ekonomiji tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea tilgħab rwol kruċjali sabiex jiġu pprovduti l-istrutturi meħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-isfidi ġodda li qed jiġu imposti fuq l-istati membri wara l-pandemija tal-COVID-19.

F’dan ir-rigward, l-istati membri għandhom jingħataw id-dritt li jużaw il-flessibilità meħtieġa fl-użu ta’ fondi fl-oqsma li huma jidhrilhom li huma l-iktar bżonnjużi sabiex isaħħu l-ekonomiji tagħhom f’dan il-perjodu ta’ riġenerazzjoni ekonomika.

Hu u jitkellem waqt Laqgħa Informali tal-Ministri tax-Xogħol tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li bis-saħħa ta’ din il-flessibilità, kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea se jaħdem mhux biss biex isaħħaħ l-ekonomija imma anke biex itejjeb il-livell tal-għixien tal-individwu.  B’dan il-metodu, kull stat membru jkun jista’ jilqa’ għall-ħtiġijiet rispettivi tiegħu, li mhux neċessarjament ikunu l-istess ħtiġijiet fl-Unjoni Ewropea kollha.

“Irridu lkoll naħdmu f’koperazzjoni u solidarjetà sħiħa ma’ xulxin biex insibu soluzzjonijiet effettivi u sostenibbli biex innaqqsu l-qgħad, insaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema u nipproteġu lil kulħadd, inkluż lis-self-employed u ħaddiema oħra waqt li nindirizzaw l-isfidi tas-saħħa u sigurtà u dawk demografiċi”, qal il-Ministru Bonnici.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Bonnici spjega li l-pandemija tal-COVID-19 uriet bżonn ġdid li l-UE tiddeċiedi dwar id-direzzjoni li trid tieħu biex iġġedded il-metodi tagħha waqt li tindirizza l-isfidi attwali.

F’livell ta’ stati membri għandu jkun hemm risposti li jieħdu in konsiderazzjoni diversi affarijiet, u dawn għandhom jiġu introdotti fid-dawl ta’ implikazzjonijiet oħra li ġejjin minn kwistjonijiet ta’ nefqa marbuta mas-saħħa u d-demografiji.

Fl-istess waqt għandu jkun hemm tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema, partikolarment dawk li ġejjin minn setturi li ntlaqtu ħażin ħafna matul il-pandemija. B’hekk ikollna ħaddiema aħjar u li jistgħu jsibu xogħol b’mod iktar faċli. B’dan il-mod l-ekonomiji jkunu iktar b’saħħithom, ikunu iktar produttivi u jsostnu l-iżvilupp ta’ setturi ta’ valur għoli miżjud waqt li jadattaw b’ħeffa għan-knowledge economy u dik ambjentali.

Laqgħa Informali tal-Ministri tax-Xogħol tal-Unjoni Ewropea

“L-għajnuniet finanzjarji tal-UE għandhom jitfgħu iktar focus fuq il-bidliet li jrid jagħmel is-suq tax-xogħol biex ikun iktar knowledge-based u biex ikun eħfef li dan is-suq jittrasforma ruħu fl-ekonomija ambjentali. Din hi ċ-ċavetta għal tkabbir ekonomiku sostnut”, qal il-Ministru Bonnici.

B’dan il-mod jistgħu jiġu wkoll varati politiki li jsaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni, itejbu l-intraprenditorija u jwieżnu n-negozji ż-żgħar.

Għal dan il-għan, spjega l-Ministru Bonnici, ir-rwol tal-UE hu fundamentali sabiex tipprovdi s-sostenn meħtieġ lill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn min-naħa tagħhom jafu d-dettalji tar-realtajiet nazzjonali u reġjonali u b’hekk ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jistabbilixxu ‘level playing field’ fl-oqsma kollha. Il-flessibilità, qal il-Ministru Bonnici, hi kruċjali.

Huwa qal li l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema tiġi l-ewwel u qabel kollox. “Irridu nassiguraw is-saħħa pubblika u li nsalvaw il-ħajjiet. Fl-istess ħin, il-Gvern Malti hu kommess li jdaħħal miżuri ta’ konteniment sabiex iżomm il-livelli tal-qgħad fil-minimu possibbli u jara li l-istrateġija għall-irkupru tal-ekonomija tkun ippreparata biex immedjatament jara li l-ekonomija terġa’ lura fuq it-triq tat-tkabbir sostenibbli”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-għajnuna tal-wage supplement marbuta mal-COVID kienet kruċjali biex in-negozji jżommu l-ħaddiema tagħhom kemm jista’ jkun.

“Minbarra dan, il-Bank Malti għall-Iżvilupp introduċa skema ta’ garanzija marbuta mal-COVID-19 li tipprovdi garanziji lil banek kummerċjali bil-għan li ssaħħaħ l-aċċess tan-negozji għal iffinanzjar mill-bank u dan fid-dawl ta’ tnaqqis akut u bla mistenni fil-likwidità kkawżata mill-pandemija”, qal il-ministru.

Huwa spjega li miżura finanzjarja oħra li ħa l-Gvern Malti biex jgħin lin-negozji f’dawn iż-żminijiet kienet il-posponiment tal-ħlas tat-taxxa.

Iddaħħlu wkoll diversi miżuri soċjali biex jiġi mnaqqas l-impatt tal-pandemija fuq is-socjetà, spjega l-ministru.

“Madwar 7,200 familja qed igawdu minn għajnuniet tal-Gvern.  Dawn jinkludu miżuri bħaż-żieda fis-sussidju tal-kirjiet għal individwi li jkunu tilfu l-impieg. Bl-istess mod persuni b’diżabilità li jaħdmu fis-settur privat u li jirreġistraw għax-xogħol jistgħu jibqgħu d-dar biex jipproteġu saħħithom u jieħdu ħlas dirett”, spjega l-Ministru Bonnici.

Huwa qal li pajjiżna hu kommess li jassigura li s-setturi kollha li ntlaqtu mill-pandemija jingħataw l-għajnuna kollha li għandhom bżonn biex isostnu n-negozji tagħhom u jevitaw milli jkeċċu l-ħaddiema.

Il-ministru spjega wkoll li l-Gvern Malti beda jnaqqas il-miżuri preventivi li ħa skont il-parir li ġie pprovdut lilu minn task force ad hoc li twaqqfet apposta għal dan il-għan.  Hu qal li l-istrateġija ta’ transizzjoni ta’ pajjiżna se tkun gradwali u bbażata fuq l-evidenza xjentifika u strateġija kkoordinata.

F’kuntest Ewropew, qal il-Ministru Bonnici, għandu jkun hemm strateġija kkoordinata tajba u maqbula biex ngħinu lill-istati membri tal-UE jimmaniġġjaw aħjar u jimminimizzaw ir-riskju tat-tieni mewġa.

Share With: