Il-flus depożitati mal-banek jilħqu rekords ġodda

Minn Victor Vella

F’Marzu li għadda d-depożiti ta’ residenti Maltin u Għawdxin mal-banek kummerċjali ta’ pajjiżna laħqu il-livell rekord ta’ €20.7 biljuni. Dan kien ifisser żieda ta’ €259 miljun, jew 1.3%, kumparat ma’ Frar. Meta mqabbla mal-istess xahar sena qabel id-depożiti kibru b’€1.1 biljun jew 5.6%.

Iż-żieda li kien hemm bejn Frar u Marzu kienet it-tieni l-ogħla osservati fl-aħħar tnax-il xahar. Bħala medja minn Marzu 2013’l hawn kull xahar id-depożiti mal-banek żdiedu b’€101 miljun. Dan ifisser li minkejja l-pandemija d-depożiti mal-banek kibru b’darbtejn u nofs it-tkabbir medju fl-aħħar snin. Ta’ min jinnota li bejn l-2008 u l-2013 bħala medja kull xahar id-depożiti mal-banek kienu jiżdiedu b’€57 miljun biss, jew kważi ħames darbiet anqas miż-żieda osservata bejn Frar u Marzu 2020.

Iż-żieda li kien hemm fl-ewwel xahar wara l-bidu tal-pandemija kienet l-aktar dovuta għal tkabbir fid-depożiti tal-familji Maltin u Għawdxin. Dawn żdiedu għas-somma rekord ta’ €13.5 biljun, jew żieda ta’€236 miljun fuq ix-xahar preċedenti. Din hija l-akbar żieda xahar fuq xahar minn Diċembru 2017’l hawn. Fl-istorja ta’ pajjiżna kien biss f’Diċembru 2017 u f’Marzu 2015 li fihom seħħet żieda akbar fid-depożiti tal-familji mal-banek. Bħala medja mill-2013’l hawn kull xahar id-depożiti tal-familji żdiedu b’€68 miljun, jew bi tlett darbiet u nofs anqas miż-żieda f’Marzu. Fil-ħames snin ta’ qabel il-medja taż-żieda kull xahar kienet ta’ €19 miljun. Fil-kriżi tal-2009 id-depożiti tal-familji kienu naqsu bi kważi €50 miljun.

In-negozji ta’ pajjiżna raw id-depositi tagħhom jiżdiedu minn €3,124 miljun għal €3,142 miljun bejn Frar u Marzu 2020. Din tfisser li fl-ewwel xahar meta bdiet il-COVID-19 f’pajjiżna, in-negozji żiedu d-depożiti mal-banek b’€17 miljun. Bħala medja mill-2013’l hawn in-negozji żiedu d-depożiti kull xahar b’€14 miljun. Dan ifisser li anke n-negozji rnexxielhom iżidu d-depożiti b’rata ogħla mill-medja matul Marzu. Fil-ħames snin qabel l-2013 il-medja kull xahar tad-depożiti tan-negozji kienet €10 miljuni.

Fejn jidħlu kumpaniji tal-Gvern id-depożiti mal-banek żdiedu wkoll f’Marzu li għadda. Dawn żdiedu minn €539 miljun għal €554 miljun. Din iż-żieda ta’ €15 miljun kienet kważi erba’ darbiet iż-żieda medja osservata mill-2013’l hawn.

L-uniku tnaqqis fid-depożiti kien min-naha ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, fejn kien hemm tnaqqis ta’ €10 miljuni. Dan x’aktarx kien jirrefletti l-fatt li żdied is-self mogħti lin-negozji u familji fix-xahar ta’ Marzu. Minkejja dan l-ammont totali ta’ self li ħareġ mill-banek sa tmiem Marzu kien ilaħħaq €11.2 biljun kontra depożiti ta’ €20.7 biljun. Dan ifisser li l-familji u n-negozji f’pajjiżna għandhom flus il-bank kważi d-doppju tad-dejn li ħarġulhom il-banek.

Dan huwa livell ta’ likwidità bla preċedent, speċjalment meta wieħed iqis li barra depożiti mal-banek, il-familji u n-negozji għandhom diversi biljuni oħra f’assi finanzjarji, fosthom stocks tal-Gvern. Il-likwidità kbira fil-pajjiż hija raġuni ewlenija għalfejn il-Gvern mhux qed issibha diffiċli biex jiffinanzja l-pakkett ekonomiku bla preċedent li qed jimplimenta biex isostni l-ekonomija. Barra minn hekk din il-likwidità qed tgħin lin-negozji jżommu l-impjiegi għaddejjin minkejja nuqqas ta’ dħul. 

Imma l-aktar ħaġa importanti hija li l-livell ferm ogħli ta’ depożiti li jaqbeż sewwa darba u nofs il-ġid nazzjonali jfisser li meta jibdew jiġu rilaxxati l-miżuri biex tiġi kkontrolata l-COVID-19, hawn biżżejjed fondi nterni biex pajjiżna jibqa’ jikber b’rata tajba. Filfatt depożitati mal-banek hemm l-ekwivalenti ta’ disa’ u nofs snin id-dħul kollu mit-turiżmu li pajjiżna kellu fl-2019. Jekk jigi ntużat anke sempliċiment ewo minn kull disgħa li hemm imfaddla mal-banek, l-konsum f’pajjiżna jaqbez bil-bosta t-telf mill-konsum tat-turisti barranin.

Share With: