Il-Ġermanja b’żieda fil-każi għall-ħames jum konsekuttiv; Merkel ma teskludix miżuri ġodda ta’ lockdown

Għall-ħames jum konsekuttiv il-Ġermanja rreġistrat żieda fil-każi ġodda ta’ persuni infettati bil-coronavirus, bil-gvern josserva l-effetti li t-tneħħija tal-miżuri tal-lockdown qed iħallu.

L-approċċ tal-Gvern Ġermaniż fil-konfront tal-pandemija, fejn nieda proċess ta’ testijiet tal-massa, kien imfaħħar mill-organizzazzjonijiet tas-saħħa dinjin hekk kif il-pajjiż deher li qed jirnexxilu jikkontrolla l-pandemija b’differenza għal dak li kien qed jiġri fi Spanja u l-Italja.

Ilbieraħ il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ħabbret li l-pajjiż kien se jerġa’ jiftaħ mill-ġdid l-ispazji pubbliċi, bħall mużewijiet u zoos, b’komunitajiet reliġjużi jitħallew jorganizzaw servizzi reliġjużi mill-ġdid.

Madankollu mis-26 ta’ April ir-rata ta’ infezzjonijiet fil-Ġermanja bdiet tirreġistra żidiet. Illum kienu reġistrati 1,639 każ ġdid, bit-totla kumplessiv ilaħħaq il-160,758 każ. Dan skont ir-robert Koch Institute li kien qed jagħmel moniteraġġ tan-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet fil-Ġermanja.

Intant illum kienu reġistrati 193 imwiet kaġun tal-coronavirus, bit-total tal-vittmi issa jlaħħaq is-6,481.

Iż-żieda fil-każi wasslet lil Merkel biex tħabbar li jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fis-seħħ ċerti miżuri ta’ lockdown.

Ilbieraħ hija qalet li “rridu naħdmu biex niżguraw li n-numru ta’ każi ġodda jkompli jonqos”.

Hija żiedet tgħid li l-miżuri se jkunu qed jiġu riveduti l-ġimgħa li ġejja.

Share With: