Il-ħolma tan-Naxxarin se ssir realtà

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima ħabbar li ħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-ground tal-futbol tant mistenni tan-Naxxar Lions FC b’investiment ta’ madwar €8 miljuni mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.

Waqt żjara fuq is-sit fejn se jsir dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari Grima qal li wara tant stennija, it-tfal ta’ din il-lokalità se jkunu jistgħu jitħarrġu b’mod sigur u f’ambjent sabiħ. Huwa qal ukoll li b’dan il-proġett se tkun ukoll imwettqa wegħda oħra tal-manifest elettorali.

Huwa saħaq li dan il-proġett se jakkomoda s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna u l-aspett sportiv li toffri n-nursery tan-Naxxar Lions FC. Matul il-ġurnata dawn il-faċilitajiet sportivi se jkunu jistgħu jintużaw mill-istudenti tal-iskejjel tal-madwar filwaqt li wara l-ħin tal-iskola jiġi mmassimizzat l-użu mit-tfal tan-nursery stess.

Il-Perit Valerio Schembri spjega li l-proġett fih madwar 9,800 metru kwadru, jinkludi pitch 11-a-side, jesa madwar 400 spettatur u madwar 500 spazju ta’ parking fuq żewġ livelli sabiex jakkomoda lill-istituzzjonijiet edukattivi tal-madwar. Bħala parti mill-proġett se jitħawwlu ’l fuq minn 100 siġra.

Iċ-Ċermen tal-Youth Nursery ta’ Naxxar Lions FC Marlon Brincat qal li fil-preżent hemm madwar 190 tifel u tifla li bil-faċilitajiet preżenti ma jistgħux jilħqu l-għanijiet tagħhom għax huma faċilitajiet limitati u neqsin mill-bżonnijiet il-bażiċi. “Grazzi għal dan il-proġett aktar tfal u żgħażagħ se jgawdu faċilitajiet moderni u tal-għola standard u b’hekk in-nursery tkompli tikber u tiżviluppa ’l quddiem,” temm jgħid Marlon Brincat.

Share With: