Il-Kanada tingħaqad maċ-Ċina fl-iżvilupp ta’ tilqima magħmula minn ċelloli ta’ trabi abortiti

Tilqima kontroversjali kontra l-Covid-19

Minn CARMEN CACHIA

Il-Gvern Kanadiż ta’ Trudeau ħabbar li, flimkien maċ-Ċina, se jibda testijiet għal tilqima kontra l-Covid-19 li hija magħmula minn trabi abortiti. Espert internazzjonali qal li din it-tilqima hija magħmula minn linji ta’ ċelloli meħuda minn feti abortiti u li jista’ jkun li ma tkunx effettiva bħala tilqima. Din l-aħbar diġà ġiet ikkritikata u ttimbrata bħala “bla etika u li tmur kontra r-rispett lejn il-ħajja umana”.

Il-pandemija tal-Coronavirus, li bdiet f’Diċembru li għadda, affettwat lid-dinja kollha bi kważi ħames miljun persuna infettati bil-virus u aktar minn 300,000 li tilfu ħajjithom. Bil-għan li jkun hemm kontroll mit-tixtrid ta’ din it-tifqigħa, il-pajjiżi ħadu miżuri ta’ prekawzjonijiet fosthom lockdowns, għeluq tal-ajruporti u stabbiliment kif ukoll social distancing. 

Għadd ta’ pajjiżi f’dawn l-aħħar ġranet, inkluża Malta, bdew jirrilaxxaw uħud minn dawn il-miżuri bil-għan li l-ekonomija terġa’ tirpilja. Kura u tilqima kontra l-Covid-19 għad m’għandniex iżda hemm għadd ta’ kumpaniji farmaċewtiċi li jinsabu f’tellieqa għal min jirnexxielu jiżviluppa l-ewwel u l-aħjar waħda għas-suq internazzjonali. Fil-fatt, iċ-Ċina waħidha ħabbret li għandha ħames verżjonijiet ta’ din it-tilqim li jinsabu fil-fażi ta’ testjar fuq il-bniedem u waħda minnhom hija din li fiha jużaw linji miċ-ċelloli tal-feti abortiti.

L-akbar organizzazzjoni tar-riċerka federali fil-Kanada ħasdet lil ħafna meta ħabbret li din se tingħaqad ma’ kumpanija farmaċewtika Ċiniża li tispeċjalizza fit-tilqim, bil-għan li tagħmel testijiet għal tilqima ġdida li tinsab fil-fażi ta’ studju fil-Kanada. Din l-aħbar qajmet rabja fost għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li huma kontra l-abort.

Fi stqarrija li ħareġ il-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka (NRC), ingħad li ġiet stabbilita kollaborazzjoni mal-kumpanija Ċiniża CanSino Biologics Inc. (CanSinoBIO) biex il-Kanada tibda tagħmel it-testijiet meħtieġa fuq din it-tilqima li ngħata l-isem ta’ Ad5-nCoV.

Il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau

It-tabib Alan Moy, fundatur u direttur tal-Istitut Mediku tar-Riċerka u Kap Eżekuttiv tas-‘Cellular Engineering Technologies’, ikkonferma ma’ aġenzija tal-aħbarijiet li l-Ad5-nCoV hija fil-fatt prodott żviluppat fuq metodi li jmorru kontra l-etika umana. Din minħabba li tuża l-linji taċ-ċelloli HEK293 tal-NRC – ċelloli li huma żviluppati minn trabi li qatt ma twieldu minħabba li kienu abortiti.

Politika li mhix favur il-ħajja

Barra l-lat li din it-tilqima qiegħda tkun ittestjata fuq linji ta’ ċelloli umani, Moy qal ukoll li jista’ jkun li din qiegħda ssir għalxejn minħabba li għandha mnejn ma tkunx daqstant effettiva. Huwa saħaq li l-Gvern Kanadiż qiegħed jimxi b’politika li mhix favur il-ħajja.

“Problema oħra hija li hemm rata għolja ta’ każi fejn l-immunità tal-bniedem mhix taħdem tajjeb mal-Ad5 u allura hemm possibbiltà kbira li l-pazjenti mhux se jkunu jistgħu jieħdu din it-tilqima. Din ukoll, żgur li mhix tilqima aċċettabbli għal dawk il-persuni li huma favur il-ħajja,” żied Moy.

Din it-tilqima hija l-ewwel tilqima li tinsab fit-tieni fażi ta’ ttestjar li taħdem kontra l-Coronavirus u ġiet żviluppata mill-Istitut tal-bio teknoloġija ta’ Beijing u CanSinoBIO. Wara li, skont l-NRC din it-tilqima hija sigura, l-Ad5-nCoV bdiet tiġi ttestjata fuq il-bniedem.

CanSinoBIO issa qiegħda tlesti l-aħħar dokumenti meħtieġa biex din it-tilqima tkun approvata ħalli jsiru t-testijiet fil-Kanada. Iain Stewart, il-President tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riċerka fil-Kanada, qal li, “it-tilqima hija promettenti ħafna u NRC hija kuntenta ħafna bis-sħubija tagħha ma’ CanSino Bilologics”.

It-tabib Xuefeng Yu, chairman u kap eżekuttiv ta’ CanSinoBIO, qal li l-kumpanija tiegħu għandha relazzjoni b’saħħitha mal-Kanada u li huma kburin li kisbu tant suċċessi flimkien. Yu qal li ż-żewġ partijiet se jkomplu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw bżonnijiet fil-qasam tas-saħħa fuq skala globali.

L-NRC qalet li hija tittama li l-kollaborazzjoni ma’ CanSinoBIO tgħin biex “ikun hemm produzzjoni qawwija għal din it-tilqima żviluppata minn linji ta’ ċelloli HEK293”. Il-Gvern Kanadiż min-naħa tiegħu qal li se jagħti €40 miljun f’għajnuna biex l-istitut tar-riċerka f’Montreal ikun attrezzat aħjar.

Talba biex it-tilqim ma jkollux konnessjoni mal-abort

F’April li għadda, il-Prim Ministru favur l-abort, Justin Trudeau, qal li għandu bżonn perjodu ta’ riflessjoni dwar jekk jagħmilx it-tilqima kontra l-Covid-19 bħala waħda mandatorja. 

Fl-2019 l-organizzazzjoni JP2MRI bdiet bil-kampanja tagħha “Campaign for Curves”, li l-għan tagħha huwa li tiżviluppa kuri fuq linji ta’ ċelloli b’valuri msejsa fuq kodiċi ta’ etika umana. Huma qegħdin jippruvaw jużaw l-istess ċelloli għall-iżvilupp ta’ tilqim, terapiji bil-proteini u tal-ġenetika fost l-oħrajn.

Din il-kumpanija qalet li rnexxielha tavvanza ħafna f’metodi u kisbiet xjentifiċi fil-qasam taċ-ċelloli umani u fl-2020 l-JP2MRI ħabbret li se tuża t-teknoloġija li għandha biex tagħmel tilqima “etika” kontra l-Coronavirus. Dan l-istitut se jtella’ kampanja għal ġbir ta’ fondi minħabba li għandu bżonn €300,000 sal-31 ta’ Diċembru, 2020.

F’April li għadda grupp ta’ isqfijiet Kattoliċi u mexxejja ta’ grupp favur il-ħajja, kitbu ittra lill-awtoritajiet tas-saħħa Amerikani kif ukoll lill-amministrazzjoni ta’ Trump, fejn talbu biex it-tilqim ma jkollhom ebda konnessjoni mal-abort.

Tilqima bla etika u li tmur kontra r-rispett lejn il-ħajja umana

Il-kollaborazzjoni bejn il-Kanada u ċ-Ċina biex jittestjaw l-Ad5-nCoV baqgħet għaddejja minkejja li hemm evidenza li ċ-Ċina hija “ground zero”, jiġifieri minn fejn beda l-Coronavirus. L-Istitut tal-Viroloġija f’Wuhan huwa l-laboratorju li hemm spekulazzjonijiet li l-virus ħareġ minnu.

Fi studju miktub minn żewġ xjenzati Ċiniżi, Botao Xiao u Lei Xiao, it-tnejn minn università fin-Nofsinhar taċ-Ċina, qalu li l-virus ħareġ, b’mod aċċidentali, minn dan il-laboratorju li jagħmel riċerka fuq il-friefet tal-lejl. Fi Frar tal-2020 studju intitolat “The Possible Origins of the 2019-nCoV Coronavirus” għeb mid-database iżda dan għadu jidher fuq “Wayback Machine” tal-LifeSite News.

Jingħataw miljuni f’fondi lil-labortorju ta’ Wuhan minkejja twissijiet…

Skont rapport mill-Washington Post, uffiċjali mill-ambaxxata Amerikana fiċ-Ċina sentejn ilu kienu diġà wissew lill-gvern Amerikan li laboratorju tar-riċerka f’Wuhan ma kienx qiegħed jieħu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa fl-ittestjar li kien għaddej bih.

F’April kien irrapportat li Trudeau ta kważi miljun Ewro mit-taxxi tal-poplu tiegħu bħala fondi lill-istess laboratorju fejn huwa ssupettat li l-virus oriġina. Fl-imgħoddi Trudeau kien diġà esprima ammirazzjoni lejn iċ-Ċina u waqt avveniment fl-2013 wasal biex, f’mistoqsija minn ġurnalist, faħħar il-politika dittatorjali taċ-Ċina. 

Il-kap tas-saħħa pubblika tal-Kanada, it-tabiba Theresa Tam, li kienet ikkritikata għall-mod kif qiegħda tmexxi fil-kriżi tal-Coronavirus, hija involuta direttament fl-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO). Fil-fatt Tam hija waħda mis-seba’ persuni li jiffurmaw il-kumitat indipendenti IOAC fil-programm għall-emerġenzi tas-saħħa tal-WHO.

Barra minnhekk, il-gvern ta’ Trudeau baqa’ jinsisti li jiddefendi lill-WHO u dan minkejja li hemm kritika persistenti li l-WHO tilfet il-kredibbiltà tagħha minħabba li hija influwenzata mir-reġim Ċiniż.

Share With: