Il-kaos ikompli jirrenja f’Minneapolis; Dimostranti jaħarqu l-għassa fejn kienu stazzjonati l-pulizija li arrestaw lil Floyd

Il-kaos kompla jirrenja f’Minneapolis ilbieraħ filgħaxija hekk kif dimostranti li niżlu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-mewt ta’ George Floyd daħlu f’binja tal-pulizija u tawha n-nar.

L-għassa ngħatat in-nar għall-ħabt atal-10 p.m. ħin lokali, bid-dimostranti jieħdu l-kontroll tal-binja, jitilgħu fuq il-bejt u anke jidhru jiċċelebraw.

B’idejhom fl-arja mgħaqqdin f’ponn, il-folla ta’ dimostranti bdiet tgħajjar “X’jismu? George Floyd!” b’alarms tan-nirien jinstemgħu fl-isfond filwaqt li anke bdew jinħarqu murtali.

Fi stqarrija id-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Minneapolis qal li l-uffiċjali tal-pulizija u l-impjegati kollha li kienu fl-għassa fil-ħin tal-inċident ilkoll ġew evakwati.

“Dimostranti daħlu b’forza fil-binja u tawha n-nar,” qal id-Dipartiment.

Intant aktar tard inħarġet twissija biex in-nies tevita li tersaq lejn l-għassa minħabba l-biża’ li din tista’ tisplodi.

L-għassa inkwistjoni ilha fil-mira tad-dimostranti għal dawn l-aħħar tlett iljieli, wara li huwa maħsub li l-erba’ uffiċjali tal-pulizija – li issa tkeċċew – involuti fl-arrest ta’ Floyd nhar it-Tnejn li għadda kienu stazzjonati hemm.

Share With: