Il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija tattira tmien applikanti

Huma tmienja dawk li applikaw għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija b’sitta minnhom qed iservu fil-Korp u tnejn avukati b’passat fi ħdanu.

Is-sitt pulizija huma l-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija stess Angelo Gafa, l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo kif ukoll l-Ispetturi Jonathan Ransley, Robert Vella, Frankie Sammut u Sandro Camilleri.

Iż-żewġ avukati li applikaw għall-kariga kienu Herman Mula u Mary Muscat li servew bħala pulizija għal 18-il sena u 13-il sena rispettivament.

L-Ispettur Gafa kien l-ewwel persuna li beda jservi bħala Kap Eżekuttiv mindu din il-kariga ġiet introdotta fl-2016. Qabel huwa fit-taqsima tar-reati ekonomiċi u anke fis-Servizz Sigriet b’passat ukoll fil-Forzi Armati.

Mamo kienet l-ewwel pulizija mara li laħqet ir-‘rank’ ta’ Assistent Kummissarju u fil-preżent hija responsabbli mid-distretti li jinkludu Tas-Sliema, l-Imsida, il-Gżira, San Ġwann, San Ġiljan u Paceville.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Ransley jaħdem fid-distrett li miegħu jagħmlu San Ġiljan u Paceville.

L-Ispetturi Vella u Camilleri huma magħrufa għall-involviment tagħhom f’għaqdiet trejdunjonistiċi li jaħdmu favur id-drittijiet tal-pulizija.

Fir-rigward tal-Avukati Mula u Muscat tal-ewwel kien involut fit-twaqqif tas-Simon Schembri Blue Light Foundation u jokkupa l-kariga ta’ Integrity Officer tal-MFA waqt li qed jiddefendi lis-suldati fil-każ tal-immigranti.

L-Avukat Muscat kienet involuta fit-twaqqif tas-CMRU, it-taqsima responsabbli mill-komunikazzjoni tal-Korp, u tgħallem ukoll l-Universita ta’ Malta.

Il-pass li jmiss huwa li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC), wara li tassigura li l-applikazzjonijiet saru kif suppost, tibgħat

Issa li rċeviet l-applikazzjonijiet l-PSC tibda biex tara jekk l-applikanti jkunux issodisfaw ir-rekwiżiti imbagħad tagħmlilhom dak li jissejjaħ ‘psychometric test’ biex jiġi stabbilit kemm persuna tkun f’saħħitha mentalment u karatteralment.

Wara jiġu msejjħa għal intervista fi grupp u oħra individwali qabel mal-ħames membri tal-PSC, li jinkludu membri mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, jagħżlu ż-żewġ kandidati li l-aktar jidrilhom xierqa għall-kariga.

Iż-żewġ ismijiet jiġu riferuti lill-Kabinett u dan jinforma lill-ministru responsabbli mill-Korp min jidhirlu li l-aħjar.

L-istess ministru jirreferi l-isem identifikat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi iffurmat minn deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni biex f’seduta speċjali jkunu jistgħu jistaqsu lill-persuna dak li jridu u fl-aħħar jagħtu parir favorevoli jew le.

Share With: