Il-laboratorju f’Wuhan bi tliet strains ta’ coronavirus iżda l-ebda ma jaqbel mal-Covid-19

L-istitut tal-viroloġija fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan, il-belt minn fejn bdiet il-pandemija tal-coronavirus għandu tliet strains differenti ta’ coronavirus li ġejjin minn friefet il-lejl, madankollu l-ebda wieħed minnhom ma jaqblu mal-Covid-19. Qalet dan id-direttur tal-istess laboratorju.

Xjentisti jemmnu li l-Covid-19 oriġinat mill-friefet il-lejl u setgħet ġiet trasmessa lill-bniedem minn annimali oħrajn.

Madankollu d-direttur tal-Wuhan Institute of Virology saħqet li dikjarazzjonijiet li saru mill-President Amerikan Donald Trump li l-virus oriġina mil-laboratorju huma “kollha gideb”.

“Għandna tliet strains ta’ viruses ħajjin ta’ coronavirus li ġejjin mill-freifet il-lejl. Madankollu s-similarità tagħhom mas-SARS-CoV-2 tlaħħaq id-79.8%,” hija qalet filwaqt li għamlet referenza għall-istrain tal-virus li tikkawża l-Covid-19.

Wieħed mit-timijiet ta’ riċerka fi ħdan il-laboratorju, immexxijin mill-Professur Shi Zhengli, kien ilu jirriċerka coronaviruses mill-friefet il-lejl sa mill-2004, u l-għan tax-xogħol kien li jinstab l-oriġini tas-SARS.

Kien hemm bosta xniegħat li l-laboratorju kien involut fil-pandemija tal-Covid-19, bil-President Trump u s-Segretarju Amerikan għall-Istat Mike Pompeo jisħqu li hemm evidenza li l-virus oriġina mill-istitut f’Wuhan.

Share With: