Il-lukandieri jbassru bejn tlieta u erba’ snin biex jirkupraw minkejja l-għajnuna tal-gvern

Il-lukandi qed iħeġġu lill-Gvern jibqa’ jgħinhom b’inċentivi hekk kif qed ibassru li jridu bejn tlieta u erba’ snin biex it-turiżmu jilħaq il-livelli tas-sena li għaddiet u jħossuhom f’inċertezza dwar il-futur. Dan jirriżulta minn stħarriġ li l-kumpanija EY għamlet b’rabta mal-impatt li l-Covid19 kellu fuq is-settur.

Matul l-2019 żaru Malta 2.8 miljun turist li bejniethom iġġeneraw fl-ekonomija tal-pajjiż €2.2 biljun, 17% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD).

Madankollu l-pandemija u l-għeluq tal-ajruporti wasslu biex bħal pajjiżi oħra l-lukandi mhux biss tilfu d-dħul kollu imma qed jistennew li din is-sena jagħmlu telf.

Mir-rapport joħroġ li ġew kanċellati jew posposti l-‘bookings’ sal-aħħar ta’ Ġunju u dan qed jiġri wkoll għax-xhur ta’ wara.

L-inċertezza dwar il-pandemija, inkluż meta se jinstab vaċċin u meta s-swieq se jerġgħu jiftħu, qed tkompli żżid it-tħassib fil-lukandieri li lkoll jaqblu li hemm bżonn li l-pajjiż jirrevedi l-prodott turistiku.

Għalkemm il-maġġoranza tagħhom laqgħu l-inċentivi tal-Gvern huwa qed jistennew li dan jibqa’ għax is-sitwazzjoni tiddependi minn meta jinfetaħ l-ajurport u s-swieq li minnhom l-iktar jiġu t-turisti.

Ir-rapport juri li l-lukandieri qed jitolbu iktar flessibilità fil-liġijiet tax-xogħol u aktar inċentivi fit-taxxi biex jiffaċċjaw dan il-perjodu.

Huma qed jistennew ukoll li jinbidel ix-xenarju fit-turiżmu fosthom li t-turisti jibdew jistennew aktar iġjene u ifittxu postijiet inqas iffullati.

Share With: