“Il-Maltin iridu l-verità u l-PN kommess li jibqa’ jiġġieled sal-aħħar għas-sewwa” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jipproponi biex fil-binja tal-Parlament ikun hemm sala li tissejjaħ għal Daphne Caruana Galizia 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li se jkunu qed iġibu l-poplu warajhom, “biex flimkien niksbu l-isptarijiet lura u naċċertaw li jittieħdu passi biex dawk li serquna jkollhom il-konsegwenzi tagħhom.” Huwa qal li bħala PN se juru l-poplu Malti li l-Gvern qed jisraq lin-nies tiegħu stess. Huwa qal li wara li ressqu mozzjoni biex tiġi diskussa u jikkanċellaw kuntratt “oxxen” li sar, il-pass li jmiss bħala Oppożizzjoni huwa li tibqa’ tħuf fuq il-gvern filwaqt li se jaraw li l-investigazzjoni tibqa’ għaddejja.

Dwar is-sitwazzjoni preżenti marbuta mal-imxija tal-Covid-19, Delia qal li bħala Oppożizzjoni kienu kawti ħafna, “għax hija faċli li tipprova tirkeb fuq problemi bħal dawn biex tieħu vantaġġ politiku. F’Malta sfortunatament għandna Gvern li jgħid li l-Oppożizzjoni hija mistiedna imma ma ddiskutew xejn magħna. Aħna rridu nipparteċipaw u bqajna niltaqgħu ma’ nies anke fis-settur tas-saħħa.”

Delia qal li filwaqt li bħala Oppożizzjoni jaraw lin-nies bħala individwi li jridu jservuhom, il-gvern jara lill-poplu bħala xi ħadd li jista’ jakkwista l-voti.

Delia għamel ukoll referenza għall-ġurnata li fiha niċċelebraw l-importanza li l-ġurnaliżmu liberu u indipendenti jiġi rikonoxxut bħala pilastru tad-demokrazija. Huwa qal li meta jkun hemm qtil ta’ ġurnalist, bħala kien hawn f’pajjiżna, dan għandu riperkussjonijiet oħrajn għax mhux biss tfisser li nqatlet omm u bint imma li qed issikket il-verità.

“L-iċken ħaġa li nistgħu nagħmlu bħala pajjiż, minkejja li għad ma saritx ġustizzja, imma bagħat ittra biex fil-binja tal-Parlament ikun hemm sala li tissejjaħ għal Daphne Caruana Galizia.”

Delia qal li l-Prim Ministru Robert Abela aġixxa b’arroganza meta mistoqsi minn ġurnalisti dwar l-immigrazzjoni waqt konferenza tal-aħbarijiet.

“Jien qiegħed hawn biex inservi u nemmen li n-nies jistgħu jsaqsuni fuq kollox. Dik hi d-demokrazija. Li inti temmen fis-sewwa u l-verità. Jiena kommess li nagħmilha u se nibqa’ nagħmilha kull nhar ta’ Sibt u se nkun qed nistieden lill-ġurnalisti mill-mezzi kollha tax-xandir. Il-Maltin iridu l-verità u l-PN kommess li jibqa’ jiġġieled sal-aħħar għas-sewwa,” qal Delia.

Share With: