Il-MAM tisħaq li l-Gvern qed ipoġġi l-interessi ekonomiċi qabel is-saħħa

L-Assojazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tisħaq li l-Gvern qed ipoġġi l-interessi ekonomiċi qabel is-saħħa, wara li lbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela ta indikazzjonijiet li se jkun qed ikompli jtaffi wħud mill-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex tiġi kkontrollata l-pandemija tal-Covid-19.

Fi stqarrija l-MAM qalet li ġimagħtejn wara li l-Gvern kien ħa l-ewwel pass biex ineħħi miżuri, pajjiżna għal erbat ijiem konsekuttivi ra numru għoli ta’ każijiet ġodda ta’ persuni infettati bil-Covid-19. Il-MAM qalet li t-tneħħija tal-miżuri ta’ ġimagħtejn ilu tat l-impressjoni li maskra tipproteġi lil dak li jkun mill-virus, b’persuni jonqsu milli josservaw ir-regoli ta’ social distancing, b’saħansitra diversi persuni anzjani u vulnerabbli jidhru barra ħwienet matul din il-ġimgħa.

L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li dan wassal biex in-numru ta’ każi ġodda f’pajjiżna fil-kuntest tal-popolazzjoni jiżboq il-każi ġodda f’pajjiżi oħajn bħal Spanja, l-Italja u l-Ġermanja.

Il-President tal-MAM Martin Balzan

Il-MAM uriet it-tħassib tagħha wkoll fir-rigward ta’ kif persuna infettata bil-Covid-19 f’sala wassal għal mill-inqas 10 każijiet oħrajn fost ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, tliet sali jingħalqu temporanjament għal diżinfestazzjoni, u għexieren ta’ ħaddiema mediċi jitpoġġew fi kwarantina.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija temmet tgħid li filwaqt li wieħed jissimpatizza mal-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu u d-divertiment, il-pressjoni li qed issir taf twassal biex it-tneħħija ta’ aktar miżuri tpoġġi lil Malta fost l-aktar għaxar pajjiżi b’każi ġodda ta’ persuni infettati bil-Covid-19 fil-kuntest tal-kobor tal-popolazzjoni, bil-konsegwenza li tagħmel aktar ħsara lis-settur.

Share With: