Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza jinnota li l-ftuħ mill-ġdid tar-Reġistri tal-Qrati Ċivili kien ta’ suċċess

Fis-16 ta’ Marzu li għadda, dawn kellhom jingħalqu minħabba l-pandemija tal-Covid-19, li laqtet lil pajjiżna flimkien mad-dinja kollha kemm hi, u reġgħu nfetħu fis-6 ta’ Mejju li għadda. Fil-fatt, l-ewwel numri provduti mill-Amministrazzjoni tal-Qrati ta’ Malta juru li n-numru ta’ atti li daħlu fir-Reġistri tal-Qrati Ċivili minn meta reġgħu nfetħu kien kważi fl-istess livell meta mqabbel ma’ dawk tas-sena l-oħra għall-istess perjodu.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis jirrimarka li l-qrati ta’ pajjiżna qamu għall-okkażjoni, u meta mitluba, kienu hemm biex jgħinu lill-pajjiż ikompli bir-ritorn tiegħu għan-normalità, anke fis-settur importanti tal-ġustizzja.

“Dan huwa pass ieħor biex inkomplu mmexxu lil pajjiżna ’l quddiem u noħorġu minn din il-pandemija flimkien. Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-xogħol tagħhom biex joffru servizz għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha, kif ukoll lill-amministrazzjoni tal-Qorti, avukati, u prokuraturi legali,” saħaq il-Ministru Edward Zammit Lewis.

Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid li l-pass li jmiss huwa t-tneħħija tal-miżuri restrittivi kollha fil-qrati ta’ pajjiżna, biex iċ-ċittadin ikollu aċċess għall-ġustizzja xierqa u mingħajr dewmien, u dan wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti.

Share With: