Il-PM jagħti ħjiel li se jinfetħu aktar stabbilimenti fl-aħħar tal-ġimgħa

Jgħid li hu se jkun minn ta’ quddiem biex iħeġġ lin-nies joħorġu filwaqt li josservaw il-miżuri

Il-Prim Ministru Robert Abela beda biex jgħid kemm iħossu fortunat li hu l-mexxej ta’ dan il-poplu li tant iħobb lil pajjiżu u li tant hu maqgħud li ma nistgħux nitkellmu dwar Maltin, Għawdxin u barranin b’mod separat.

Il-Prim Ministru qal li ma nistgħux inbeżżgħu lin-nies bil-babaw u kompla li ġurnata wara l-oħra pajjiżna sejjer ’il quddiem. Spjega li minkejja li ħafna qed jgħidu li l-każijiet żdiedu, dawn irriżultaw minn testijiet li ttriplaw. Abela qal li qed immorru f’kull kantuniera biex inkomplu naqbdu aktar minn dawn il-każi. 

Rigward l-isptarijiet tagħna, Abela qal li minkejja investimenti kbar li saru fl-apparat mediku, fortunatament dawn s’issa baqgħu battala minħabba l-kontroll li għanda fuq is-sitwazzjoni.

Abela kompla jgħid li l-pass li jmiss li nkomplu nirrilaxxaw il-miżuri u rigward tbeżżiegħ bit-tieni mewġa, Abela sostna li l-mewġ fil-baħar qiegħed. Tkellem li n-nies għandhom jistgħu jmorru jgawdu l-baħar, iżda importanti li tinżamm id-distanza soċjali. Qal li l-aktar tliet fatturi importanti fil-kontroll ta’ din il-pandemija huma li tinżamm id-distanza soċjali, li nipproteġu l-vulnerabbli u li nipproteġu l-anzjani tagħna.

Il-Prim Ministru kompla biex jispjega li minħabba l-mod ta’ kif pajjiżna rkupra mill-pandemija, fl-aħħar tal-ġimgħa li ġejja se jkun jista’ jgħid li se jkollna ristoranti, hairdressers u nail technicians fost affarijiet oħra. 

Tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni. Qal li jekk se jinfetħu l-istabbilimenti, bħala Prim Ministru se jibagħat il-messaġġ li dawn huma siguri u jekk se jiġu osservati l-miżuri l-poplu għandu joħroġ u ma jibżax imur f’dawn il-postijiet.

Share With: