Il-Pulizija b’109 kontravenzjonijiet fl-aħħar sigħat … il-maġġoranza tal-każi dwar abbuż ta’ sewqan eċċessiv

Iktar kmieni illum, kompliet is-sorveljanza mill-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku flimkien mal-Pulizija mis-Sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit u l-Ispecial Intervention Unit dwar abbuż ta’ sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti oħra tat-traffiku. 

Il-Pulizija ħarġu 26 taħrika rigward sewqan eċċessiv, waqt spezzjonijiet li saru fi Triq Bormla, iż- Żejtun. Fost it-taħrikiet, ingħataw taħrika lil sewwieq ta’ BMW li nqabad isuq b’101 kilometru fis-siegħa, lil sewwieq ta’ Mazda li inqabad isuq b’98 kilometru fis-siegħa u lil sewwieq ta’ Toyota li nqabad isuq b’94 kilometru fis-siegħa, kollha f’żona ta’ 50 kilometru fis-siegħa. 

Waqt il-kontrolli li saru f’Kennedy drive, limiti tan-Naxxar, il-Pulizija ħarġu 21 taħrika rigward sewqan eċċessiv, fosthom lil sewwieq ta’ BMW li nqabad isuq b’128 kilometru fis-siegħa, lil sewwieq ta’ Yamaha li nqabad isuq b’120 kilometru fis-siegħa u lil sewwieq ta’ Yamaha li nqabad isuq b’110 kilometru fis-siegħa, kollha f’żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa. 

Numru ta’ kontrolli saru ukoll fi Triq Louis Wettinger, il-Mellieħa. Hemmhekk, il-Pulizija ħarġu 32 taħrika rigward sewqan eċċessiv, fosthom lil sewwieq ta’ Kawasaki li nqabad isuq b’110 kilometru fis-siegħa,lil sewwieq ta’ Kia li nqabad isuq b’98 kilometru fis-siegħa u lil sewwieq ta’ Mercedes li nqabad isuq b’95 kilometru fis-siegħa, kollha f’żona ta’ 60 kilometru fis-siegħa. 

F’dawn il-postjiet ingħataw ukoll 30 kontravenzjoni rigward irregolaritajiet oħra, fosthom vetturi li ma kellhomx numru tar-reġistrazzjoni, tinted glass u sewqan bla liċenzja, fost oħrajn. 

Waqt li kienu qegħdin isiru dawn il-kontrolli dwar sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti tat- traffiku, fi Triq Dragonara, f’San Ġiljan, il-Pulizija tal-SIU nnutaw vettura tat-tip Mercedes li qajmet suspett. Għaldaqstant, il-Pulizija waqqfu din il-vettura u minn tfittxija li saret, ix-xufier instab fil-pussess ta’ sustanza suspettata raża tal-Cannabis. 

Share With: