Il-UEFA ottimista għall-Euros tas-sena d-dieħla

Il-president tal-UEFA, Aleksander Ceferin, qed jistenna li t-tournament pospost tal-Euro 2020 iseħħ kif programmat is-sena d-dieħla.

Il-Euros, li kellhom isiru fi 12-il belt ospiti bejn Ġunju u Lulju, ġew posposti f’Marzu sal-2021 hekk kif il-coronavirus ġdid ħarbat il-kalendarju sportiv globali.

Il-ġimgħa li għaddiet Ceferin kien qal li kien hemm problemi bi tlieta mit-12-il belt ospiti, u filwaqt li enfasizza dan it-tħassib huwa qal li dan mhux se  jwaqqaf il-kampjonat milli jimxi ‘l quddiem. Ceferin baqa’ fiduċjuż dwar li l-kampjonat jsir fl-2021.

“Iva nilgħab fuqha. Ma narax għaliex ma għandux jiġri. Ma naħsibx li l-virus se jdum għal dejjem,” qal Ceferin.

“Is-sitwazzjoni hija gravi, iżda qed titjieb u aħna iktar attenti issa. Nafu aktar dwar il-virus u għalissa jien ottimist.”

Filwaqt li wħud mill-kampjonati, bħall- Bundesliga, reġgħu bdew jintlagħbu b’oħrajn lesti biex isegwu, għalissa l-logħob qed isir mingħajr spettaturi u xi esperti wissew li mhux se jkun sigur għall-partitarji li jattendu l-logħbiet sakemm ikun hemm vaċċin għall-virus.

Madankollu, Ceferin jemmen li mhux se jgħaddi ħafna żmien qabel ma l-partitarji jirritornaw lura għal-logħbiet tal-football.

“Ma nħobbx viżjonijiet apokaliptiċi li jgħidu li għandna nistennew it-tieni mewġa, it-tielet jew il-ħames. Nafu li n-nies xi darba se jmutu, iżda għandna bżonn ninkwetaw issa? Għandna nibżgħu issa? Ma naħsibx hekk.

“Aħna lesti biex norganizzaw il-Euros u se nsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Jiena assolutament ċert li l-football tajjeb u antik bil-partitarji se jerġa’ lura.”

Share With: