Il-VAT imposta fuq il-facemasks u l-face shields se tinżel minn 18% għal 5%

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri wara li tħabbar il-prezz massimu għall-face masks li se jinbiegħu b’95c u face shields b’€5. It-tnaqqis fit-taxxa tal-VAT daħal fis-seħħ mil-lum permezz ta’ avviż legali ppubblikat.

Il-Ministru Schembri spjega li l-ispiżeriji se jiġu kkumpensati wkoll għad-differenza bejn il-limitu massimu tal-prezzijiet imħabbar u l-prezz li bih kienu nxtraw oriġinarjament l-oġġetti.

Dan se jiġi implimentat permezz tal-iskema ta’ sussidju COVID-19 tal-maskli mmirata biex tgħin lill-ispiżeriji sabiex itaffu t-telf ikkawżat mill-ispejjeż bl-ingrossa kawża tal-introduzzjoni tal-limitu massimu, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati wkoll l-interessi tal-pubbliku.

L-iskema tista’ tiġi aċċessata online permezz tas-sit: http://mimcol.com.mt/covid-19-masks-subsidy/ u se tkun amministrata minn Mimcol li taqa’ taħt l-awspiċi tal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar

“Id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dawn l-aħħar jiem huma riżultat ta’ diskussjonijiet li saru mal-partijiet interessati relevanti kollha fl-industrija. Bħala Gvern, aħna fittixna li nissalvagwardjaw l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll tal-ispiżjara, li issa se jibbenefikaw minn kumpens li jirrifletti d-differenza fil-prezz fl-oġġetti mixtrija tagħhom. Nirringrazzja lil kulħadd involut sabiex flimkien niġbdu l-istess ħabel fl-aħjar interess tan-nies u ta’ pajjiżna. Nirringrazzja wkoll minn qalbi lill-ispiżjara għax-xogħol siewi u għall-kooperazzjoni tagħhom sabiex jassistu lill-pubbliku tul il-pandemija COVID19”, qal Silvio Schembri.

Il-partijiet kollha eliġibbli għall-iskema ta’ sussidju ta’ COVID-19 tal-maskli se jingħataw rifużjoni għal stokkijiet ta’ maskla kirurġika li jintremew wara li nxtraw matul il-perjodu mis-17 ta’ April sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Mejju 2020. Ir-rifużjoni tirrifletti d-differenza bejn il-prezz bl-ingrossa mixtri (VAT inkluża) u l-limitu ta’ €0.95, li ma jeċċedix €0.70 għal kull maskla. L-applikanti għandhom jipprovdu referenzi għall-invoices inkluż l-livelli tal-kwantità tal-istokk u l-prezzijiet tax-xiri li sar matul dan l-istess perjodu.

Għall-finijiet ta’ verifika, l-applikanti jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni indipendenti u fuq il-post biex ikun aċċertat li t-talbiet huma veri u ġusti irrispettivament miċ-ċertifikazzjoni tal-accountant tal-applikant. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jibgħat email fuq info@mimcol.com.

Il-Ministru Schembri irringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, lill-Ministru għall-Finanzi u Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna u lis-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista għall-appoġġ tagħhom.

Share With: