Il-virus kien kawża kontributorja fil-mewt tas-sitt vittma tal-Covid-19

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żvela fil-Parlament li mis-sitt persuni li mietu wara li mardu bil-Covid19 ħamsa mietu proprju minħabba l-virus imma fis-sitt każ il-virus kien kawża kontributorja għax il-kawża tal-mewt kienet relatata mal-musrana.

Huwa stqarr dan għal sensiela ta’ mistoqsijiet li għamillu d-deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia dwar il-każijiet tal-coronavirus.

Fearne għamilha ċara li ma setax jagħti aktar dettalji għax dawn setgħu jwasslu għall-identifikazzjoni tal-persuni.

Huwa spjega wkoll kif il-medja ta’ ġranet ta’ konvalexxenza tal-persuni pożittivi għall-Covid19 mid-data tat-test u sakemm instabu li fiequ hija ta’ 16-il ġurnata.

In-numru ta’ każijiet fejn persuna nstab li kellha l-virus imma ma wrietx sintomi kien ta’ 25% tat-total ta’ każijiet jiġifieri persuna minn kull erbgħa. Din iċ-ċifra tonqos għal 13% jekk jitnaqqsu r-residenti tal-villaġġ tat-tined f’Ħal Far.

Fearne spjega wkoll li 19% tal-pazjenti li rriżultaw pożittiv bil-Covid19 inżammu taħt kura fl-Isptar Mater Dei għal aktar minn ġurnata waħda fl-Infectious Disease Unit waqt li 11-il persuna kellhom bżonn kura fl-ITU b’erbgħa jkollhom bżonn il-ventilator.

Il-Ministru għas-Saħħa żied li 55% tal-pazjenti li rriżultaw pożittivi qalu li ħadu l-vaċċin tal-influwenza s-sena li għaddiet.

Share With: