IMF: l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tirkupra fit-tieni semestru meta terġa’ tiftaħ

Miktub Minn Melvin Farrugia

Skont it-tbassir tal-Fond Monetarju Internazzjonali l-ekonomija ta’ pajjiżna mistenna terġa’ tibda tirkupra fit-tieni semestru, meta l-ekonomija tkun tista’ terġa’ tiftaħ. 

L-ekonomista anzjan fid-Dipartiment Ewropew tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Jean-Marc Natal qal dan ma’ inewsmalta, filwaqt li spjega li kollox se jkun jiddependi fuq jekk l-attivitajiet relatati mat-turiżmu jerġgħux jibdew matul is-sajf.  

Barra minn hekk, Natal qal li dan ix-xenarju mhuwiex wieħed ċert u kollox jiddependi fuq kif se jiżviluppaw l-affarijiet b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19, mhux biss f’Malta iżda madwar id-dinja. 

L-ekonomista qalilna li dan it-tbassir ġie ppubblikat fil-World Economic Outlook ta’ April, fejn saret reviżjoni ta’ dak li kien ġie mbassar aktar kmieni fis-sena f’Artiklu IV. Fil-fatt, skont din ir-reviżjoni, l-ekonomija Maltija mistennija tiċkien fl-2020, u dan b’rifless tat-tnaqqis f’daqqa fit-tieni kwart tas-sena. Min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm titjib gradwali fit-tieni semestru hekk kif l-ekonomija terġa’ tiftaħ. 

Natal kien qed iwieġeb għal domandi li għamilnielu b’rabta mal-Artiklu IV li sar wara missjoni f’Malta u li kien ġie kkritikat bħala wieħed li hu wisq ottimist. Madankollu, warajh kien ġie ppubblikat anke t-tbassir tal-Unjoni Ewropea għar-rebbiegħa li wkoll poġġa lil Malta fuq nett f’termini tal-irkupru b’saħħtu mistenni. Fil-fatt, dan it-tbassir kien juri lil Malta bħala l-uniku stat membru tal-Unjoni Ewropea li fl-2021 ikollu rata ta’ tkabbir ogħla minn dik negattiva matul din is-sena. 

Dwar dan l-artiklu, l-ekonomista qal li dan kien ibbażat fuq żjara li saret f’Malta bejn il-5 u l-14 ta’ Frar, qabel mal-COVID-19 ma ġiet dikjarata pandemija globali u l-miżuri ta’ lockdown ma ġew implimentati fil-pajjiżi minn fejn Malta timporta l-bżonnijiet tagħha. Semma kif l-impatt tal-epidemija kienet issemmiet bħala riskju sinjifikanti, iżda din ma kinitx ġiet inkluża fit-tbassir. Natal jgħid li minn dak iż-żmien ‘l hemm, id-dinja nbidlet ħafna u l-parti l-kbira tal-ekonomija globali, fosthom anke dik ta’ Malta tpoġġew f’lockdown. 

Share With: