Imħallef jagħti raġuni lil Yorgen Fenech

“Kawżi ta’ persuni taħt arrest preventiv iridu jitkomplu”; Isostni dan l-Imħallef Lawrence Mintoff waqt li jagħti raġun lil Yorgen Fenech

L-Imħallef Lawrence Mintoff ordna li titkompla  tinstema l-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Yorgen Fenech li qed jiġi mixli b’kompliċita fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech, li ilu taħt arrest mit-30 ta’ Novembru 2019, fetaħ kawża kostituzzjonali fil-konfront tal-Avukat Ġnerali u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fejn argumenta li d-deċiżjoni li l-kawża tiegħu tieqaf tinstema kienet tiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Wara li sema liż-żewġ naħat, l-Imħallef Mintoff irrimarka li ma kienx se jidħol fil-mertu jekk fil-kuntest tal-Covid19 kellhiex tiġi dikjarata emerġenza pubblika jew le.

Huwa saħaq li la darba ma nħarġitx proklama mill-President imma ġiet iddikjarata biss emerġenza tas-saħħa pubblika il-kumpilazzjonijiet ta’ persuni li jinsabu taħt arrest preventiv ma setgħux jiġu sospiżi b’mod indefinit.

L-Imħallef Mintoff sostna wkoll li ma kellhomx ikunu l-Qrati ta’ Malta li jistabilixxu r-riskju jekk jinstemgħux il-kawżi imma kellha tkun is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tiddeċiedi dan.

Kien għalhekk li huwa ta raġun lin-negozjant Yorgen Fenech u iddikjara li dan kellu d-drittijiet fundamentali tiegħu miksura kif ukoll li l-Avukat Ġnerali ma kellux jistrieħ fuq l-Avviżi Legali 61 u 62 maħruġa din is-sena biex  ma jipproċedix bis-smiegħ tal-kawża.

Il-kawża fil-konfront ta’ Fenech mistennija tkompli tinstema t-Tnejn li ġej bil-kontinwazzjoni tax-xiehda ta’ Melvin Theuma, ix-xufier tat-taxi li ngħata maħfra presidenzjali b’rabta mal-istess każ.

Share With: