Imniedi l-proġett “Kaxxi ta’ Solidarjetà”

Id-Direttur Anthony Gatt jisħaq li numru ta’ familji li qegħdin ibatu kiber minħabba l-Covid-19: “Kellna famliji li qalulna li kienu ilu ma jieklu jumejn”

L-għaqda tal-Caritas, flimkien mal-Assoċjazzjoni Home Economists in Action, nedew l-inizjattiva “Kaxxi ta’ Solidarjeta”, fejn wara riċerka li saret fuq il-bżonnijiet tal-iktar persuni fil-bżonn, l-aġenziji qegħdin iniedu l-mod kif huma qegħdin ikunu ta’ appoġġ ta’ emerġenza.

Skont l-istess Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, l-għan ta’ din l-inizjattiva hija li jingħataw oġġetti varji, kif ukoll li joffru linji gwida għal min jixtieq jgħin persuni fil-bżonn,  “speċjalment dawk il-familji li f’daqqa waħda sabu ruħhom f’qagħda mwiegħra finanzjarja kawża tal-pandemija tal-Covid-19. Il-Caritas ilha topera f’dan is-settur għal ħafna snin, imma l-pandemija tal-Covid-19 uriet faxxa ġdida ta’ problemi.” 

Skont Gatt, dawn jinkludu fosthom anzjani li qabel kellhom għajnuna mill-membri tal-familja, persuni minn pajjiżi terżi li spiċċaw bla xogħol u mhix bilfors għandhom aċċess għall-benefiċċji, ġenituri ta’ tfal bid-diżabilita li ma jistgħux jattendu ċentri miftuħin, persuni li ħarġu minn programm ta’ rijabilitazzjoni, kif ukoll dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

“Proġetti bħal dawn saru grazzi għall-għajnuna u s-solidarjeta li urew numru ta’ persuni, għaqdiet non-governattivi u kumpaniji li tkellmu magħna, u saqsew kif jistgħu jgħinuna.”

Intant, il-Profs. Suzanne Piscopo, mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Univerista ta’ Malta, saħqet li r-riċerka “għenet biex tiddentifika u tikkwalifika l-bżonnijiet l-iktar neċessarji ta’ dawn il-persuni, kif ukoll tgħin biex jiġu megħjuna..” Dawn jinkludu fost l-oħrajn l-iġjene personali, kif ukoll it-tindif fi ħdan id-dar tagħhom stess, kif ukoll materjal edukattiv.

Intant, Stefania Calleja, bħala Chairperson tal-Għaqda minn Home Economists in Action, saħqet li hekk kif il-bieraħ ħabat l-jum internazzjonali tal-familja, “inizjattiv bħal dawn jibqgħu dejjem essenzjali,  speċjalment f’ċirkostanzi bħal dawn.”

Calleja rreferiet ukoll għall-ktejjeb inkluż f’din il-kaxxa, li tagħti gwida lill-familji Maltin biex jagħmlu l-aħjar użu mill-għajnuna mogħtija lilhiom, bl-iktar mod sostenibbli għalihom u kif ukoll għall-ambjent.

Mistoqsi minn dan il-ġurnal fuq l-aħjar mod kif il-pubbliku jista jikkontribwixxi u jgħin lill-Caritas, Gatt wieġeb li l-ġenerożita tal-poplu kienet waħda li nħasset ħafna “fid-dawl ta’ din il-kriżi. Fiċ-ċirkostanzi li qegħdin niffaċċjaw bħalissa, anke biex innaqqsu l-imxija tal-pandemija, l-appell tagħna huwa biex il-poplu jkun jista jagħti donazzjonijiet bankarji ta’ flus, biex nagħmlu l-almu tagħna u nnaqqsu l-imxija tal-virus. Fl-istess ħin, dawk il-kumpaniji li jipprovdu l-ikel, jkunu wkoll jistgħu jagħtu donazzjonijiet bl-ikel tagħhom li jipproduċu.”

Gatt kompla jisħaq kif il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw numru ta’ familji Maltin ġew esebiti f’sitwazzjonijiet differenti: “Sfortunatament, il-problemi li rajna jinkludu numru ta’ sitwazzjonijiet differenti. Iltqajna ma’ familji li ammettew magħna kif sfortunatament, l-ikel tagħhom kien spiċċa u minħabba li tilfu l-impjieg tagħhom, kienu ilu fuq jumejn mingħajr ikel.” 

Share With: