Imniedi studju li jitfa’ dawl fuq l-ugwaljanza u l-persuni LGBTIQ+

Id-Direttorat għad-Dritijiet Umani flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza,  u l-Governanza u l-Università ta’ Malta nedew l-istudju ‘Mapping The Rainbow – Researching the diverse colours of the LGBTIQ community’.

Dan l-istudju jitfa’ dawl fuq bosta aspetti marbutin mal-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar fakkret kif Malta kklassifikat fil-quċċata tal-indiċi tal-qawsalla ta’ ILGA-Europe. Hija qalet li dan sar għax kien hemm impenn mill-Gvern biex jimplimenta liġijiet li jgħollu l-livell ta’ ugwaljanza f’pajjiżna. Hawnhekk irringrazzjat lill-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Dr Helena Dalli.

Hija rrimarkat li fadal aktar xogħol xi jsir biex aktar persuni LGBTIQ+ iħossuhom aktar komdi jgħixu l-ħajja tagħhom fil-libertà, mingħajr oppressjoni. Temmet billi tat ġieħ lill-kontributuri kollha f’din il-pubblikazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-istudju importanti u rringrazzja lill-edituri Dr Marceline Naudi u Dr Claire Azzopardi Lane. Irrefera wkoll għat-tieni pjan ta’ azzjoni li jittratta l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali.

Temm billi jgħid li l-gvern huwa kommess li jkompli jisma’ biex bħala amministrazzjoni inkomplu nimbuttaw aktar drittijiet ‘il quddiem.

Biex persuna  tikseb kopja ta’ din il-pubblikazzjoni tista’ tibgħat email fuq lgbtiq@gov.mt.AA

Share With: