In-nies qed jixorbu inqas alkoħol waqt il-pandemija

Minn MARIA AZZOPARDI

Minn riċerka li għamel is-Sex Clinic Malta fi ħdan it-tim ta’ Willingness, irriżulta li matul l-imxija tal-Covid-19 il-konsum tal-alkoħol naqas. Fejn qabel 34.4% tal-parteċipanti ma kinux jikkunsmaw alkoħol, matul din il-pandemija din iċ-ċifra żdiedet għal 54.2%. Peress li l-okkażjonijiet tal-massa waqfu din taf tkun waħda mir-raġunijiet iżda jista’ jkun hemm raġuni oħra li mhix relatata ma’ fatturi soċjali. F’intervista ma’ Inewsmalta Danica Cassar tispjega dwar dan. Danica ggradwat fil-psikoloġija mill-Università ta’ Malta fl-2018. Bħalissa tinsab tispeċċjalizza fis-psikoloġija tas-saħħa ġewwa l-Università ta’ Bath fl-Ingilterra u hija partner ġewwa it-tim ta’ Willingness. 

Mill-istudju li għamiltu rriżulta li matul il-pandemija tal-Covid-19, wassal biex in-nies qed jikkunsmaw inqas alkohol. Kif tinterpretaw dawn ir-riżultati?

Dawn ir-riżultati jistgħu jiġu interpretati b’diversi modi. L-ewwel interpretazzjoni tista’ tkun li peress Malta għandna l-kultura li l-aktar nixorbu alkoħol waqt ikliet u ċelebrazzjonijiet bħal pereżempju fil-Milied, tiġijiet jew okkażjonijiet oħra. Peress li okkażjonijiet tal-massa ġew projbiti din taf tkun waħda mir-raġunijiet għaliex naqas il-konsum tal-alkoħol. Jiġifieri, min jixrob f’sitwazzjonijiet tal-okkażjoni bħalissa probabli ma jkunx qed jixrob alkoħol. Raġuni oħra hi peress li ġeneralment meta nixorbu l-alkoħol jew noħorġu għal drink inkunu fil-kumpanija ta’ ħaddieħor għalhekk bis-sitwazzjoni tal-Covid-19 qed inkunu aktar maqtugħin fiżikament, u għal din ir-raġuni jaf jitnaqqas il-konsum tal-alkoħol. Fiż-żewġ interpretazzjonijiet li semmejt jidħol il-fattur soċjali meta nkunu qed nixorbu u b’hekk toħroġ l-idea li nixorbu meta nkunu fil-kumpanija ta’ ħaddieħor. Raġuni oħra li mhux relata ma’ fatturi soċjali, taf tkun li peress li qegħdin fi żmien ta’ kriżi, ix-xorb u divertiment jaf ikun t’anqas prijorità u allura l-konsum tal-alkoħol jonqos awtomatikament. 

Minħabba l-fatt li l-bars u pubs huma magħluqa, jista’ jkun li dan ifisser li l-maġġoranza tan-nies jħobbu jixorbu meta jkunu f’kumpanija ma’ ħaddiehor b’mod soċjali?

Iva jista jkun, fil-fatt kif semmejt qabel, il-fattur soċjali jinfluwenza l-konsum tax-xorb. Hemm diversi studji u riċerka li turi l-impatt tal-influwenza soċjali fuq l-ammont ta’ xorb li nixorbu. Hija attività pjaċevoli u normalissima li noħorġu mal-ħbieb jew partner nieħdu tazza inbid jew xi flixkun u fil-fatt ħafna minna nagħmluha.  Ġeneralment meta nkunu f’kumpanija ta’ ħaddieħor huwa possibli li nixorbu aktar minn meta nkunu waħedna, imma din taf tvarja skont il-persuna.

Nieħdu eżempju meta nkunu qegħdin f’bar, l-ewwel forsi jixtri round xi ħadd, imbagħad biex tirritorna l-pjaċir tixtri round persuna oħra u nibqgħu għaddejjin. Jew inkella, nispiċċaw flixkun inbid, u nixtru ieħor għax inkunu mitlufin fil-konversazzjoni u forsi ma nirrealizzawx kemm qed nixorbu. Jew nieħdu eżempju ieħor ta’ pressjoni mill-grupp tal-ħbieb forsi ma tixtieqx drink ieħor għax qed tħossok taħt l-influwenza tax-xorb jew m’għandekx aptit imma fil-grupp kulħadd ħa drink u jibdew isaqsuk u jippressawk għal drink ieħor. Allura fi ftit kliem, nistgħu ngħidu li aħna aktar xettiċi li nixorbu meta nkunu fil-kumpanija ta’ ħaddieħor u li bħalissa qegħdin restritti milli niltaqgħu taf affetwat il-konsum tal-alkoħol. 

Fl-istess waqt, mill-aspett l-ieħor, jista’ jkun li dan iż-żmien iwassal biex persuni b’dipendenza fuq l-alkohol jirrikorru iktar għax-xorb matul dan il-perjodu?

Kulħadd jirreaġixxi differenti u iva jista’ jwassal biex inżidu l-konsum tal-alkoħol. Pero, persuni li jkunu dipendenti fuq l-alkoħol jaf jibqgħu jixrobu l-istess ammont, kif fil-fatt irriżulta mir-riċerka tagħna. Min kien jikkonsma aktar minn 14-il grokk fil-ġimgħa qabel, il-livell tal-konsum tal-alkoħol baqa’ l-istess waqt il-pandemija. 14-il grokk huwa l-massimu rrikommandat li wieħed għandu jixrob fil-ġimgħa u taf tkun problema min jikkonsuma aktar. Ġeneralment min jikkonsuma aktar milli suppost jista’ jispiċċa dipendenti fuq l-alkoħol fejn jirriżulta f’konsum ta xorb frekwenti.  Konsum frekwenti iżid it-tolleranza li wieħed jiflaħ għax-xorb.

Kaġun ta’ dan nispiċċaw nixorbu aktar biex ikollna l-istess effett li kien ikollna qabel. Allura nispiċċaw inżidu l-ammont ta’ xorb. Dan jista’ jfisser li peress persuni b’dipendenza fuq ix-xorb, tixrob aktar ħabba d-differenza fit-tolleranza milli ħabba is-sitwazzjoni jew l-ambjent tal-madwar. Allura, iva min ikun dipendenti fuq ix-xorb jaf iżid il-konsum imma mhux neċessarjament ħabba iż-żmien li għaddejin minnu kif wrew ir-riżultati tagħna, li min kien jixrob aktar milli hu rrekomandat, baqa jixrob l-istess, irrelevanti x’għaddej fid-dinja.  

Share With: