“Inkomplu nobdu d-direttivi mill-awtoritajiet tas-saħħa… hekk in-numri jibqgħu żgħar”

Minn MELVIN FARRUGIA

“Il-mod kif il-ħaddiema tagħna juru serjetà fil-miżuri ta’ protezzjoni li jieħdu hu wieħed ta’ eżempju għal kulħadd.”

Hekk sostna Joseph Micallef, id-Direttur Maniġerjali u ko-fundatur tal-kumpanija Cleanique, li f’intervista qasira ma’ inewsmalta saħad dwar l-importanza li nkomplu nisimgħu u nobdu mid-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Hu qal li n-numru ta’ każi f’Malta hu żgħir, speċjalment meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, proprju għax obdejna minn dawn id-direttivi. 

Mistoqsi dwar it-tip ta’ xogħol li qed jiġu msejħa biex jagħmlu waqt dawn iż-żminijiet, Micallef qal li jagħmlu servizzi ta’ diżinfezzjoni u sanitizzazzjoni fid-djar, fi ħwienet u stabbiliment kummerċjali u anke f’bini industrijali. 

Barra minn hekk, qal li qegħdin jagħmlu wkoll servizz b’xejn ta’ sanitizzazzjoni kull xahar fil-ġonna pubbliċi ta’ Pembroke u s-Swieqi u dan bħala kontribut tagħhom lejn il-lokalità. 

Dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw, id-Direttur Maniġerjali qal li qiegħda tkun diffiċli li jkomplu bir-ritmu tax-xogħol tagħhom b’mod normali peress li jridu jżommu kuntatt mal-klijenti tagħhom b’mod regolari. Barra hekk, ġieli jiffaċċjaw sfidi biex iżommu t-team tal-cleaners professjonali tagħhom. 

Micallef qal li bħala kumpanija qegħdin jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-ħaddiema tagħhom. Mhux biss qed jagħtuhom il-maskri, iżda qegħdin ukoll jużaw maskri li jgħattu l-wiċċ kollu, jużaw full hazmat suits, jipprovdulhom l-ingwanti u jħeġġuhom biex jagħmlu sanitizzazzjoni kostanti tal-idejn. Barra hekk, addottajna miżuri ta’ distanzi soċjali ta’ erba’ metri bejn l-impjegati u l-klijenti fil-postijiet ta-xogħol. Il-ħaddiema jiġu wkoll immoniterjati għal xi sintomi, filwaqt li anke jiġi ċċekkjat ikollhomx id-deni.

Il-kumpanija qiegħda tieħu dawn iż-żminijiet bis-serjetà u għalhekk ipprovdiet anke sessjonijiet ta’ taħriġ lill-ħaddiema biex ifehemuhom dwar is-serjetà tal-problema li qed niffaċċjaw. Barra hekk, urewhom kif tista’ ssir prevenzjoni, kif iżommu lilhom infushom protetti u anke kif inaqqsu r-riskju ta’ kontaminazzjoni. 

Minkejja li jistqarr li din il-marda ħalliet impatt fuq kulħadd, Joseph Micallef jgħid li xorta qed iħarsu ‘l quddiem biex jerġgħu jaqbdu r-ritmu ħalli jkunu ta’ servizz għal-lokalità tagħhom u anke għan-negozji lokali.

Share With: