Investiment f’Ċentru tar-Riżorsi fl-MCAST

Ninvestu fl-istudenti, l-edukaturi u l-komunità

Ix-xogħol tal-ġebla taċ-Ċentru tar-Riżorsi fl-MCAST (MRC) jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u bħalissa daħlu diversi kuntratturi għat-tkomplija tax-xogħol fil-fażi li jmiss.

Il-binja għandha forma eżagonali – b’sitt faċċati – u tinsab fuq parkeġġ li jinsab taħt l-art. Binja li tifforma parti mill-‘pjazza’ ċentrali tal-kampus tal-MCAST. Binja impressjonanti li għandha 2,300 metri kwadri u mifruxa fuq 4 sulari, li flimkien jagħmlu xejn inqas minn 9,448 metri kwadri.

Il-proġett b’investiment ta’ 10 miljun ewro huwa kofinanzjat mill-ERDF, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.

Dan huwa proġett interessanti ħafna għaliex iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST se jkun għall-użu ta’ gruppi ta’ studenti li jkunu qed jattendu l-kulleġġ bħala studenti full time, imma wkoll għal dawk l-istudenti li jkunu qed jattendu fuq bażi ta’ part time, jew wara l-ħin normali tal-kulleġġ. Għalhekk iċ-ċentru se jaħdem fuq ħinijiet estiżi. Il-ħinijiet tal-ftuħ għalhekk se jkunu determinati minn dawn il-ħtiġijiet.

Meta tkun lesta l-binja se tiġbor fiha numru sabiħ ta’ attivitajiet tal-kulleġġ, fosthom iċ-Ċentru tal-MCAST għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; il-Unit tal-MCAST tal-Learning Support u wkoll iċ-Ċentru tar-Riżorsi tat-Tagħlim u Librerija tal-MCAST. Imma idea innovattiva se tkun li fil-binja hemm ukoll spazju għar-rikreazzjoni tal-istudenti li miegħu se jkun hemm integrat spazju adegwat imma li ma jkunx formali biex l-istudenti jkunu jistgħu jużawħ għall-istudju tagħhom.

Dehra grafika taċ-Ċentru tar-Riżorsi fl-MCAST

Meta kkummenta ma’ It-Torċa, l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qalilna li l-Ministeru u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni qatt m’hu se jieqaf milli jinvesti f’dan is-settur. “L-investiment huwa mportanti biex inkomplu niżviluppaw mhux biss l-ambjent tal-istituzzjonijiet tagħna, imma wkoll mea nkunu qed intejjbu l-ambjent fiżiku, nkunu qed ninvestu fl-istudenti u l-edukaturi tagħna. Dan iċ-ċentru fl-MCAST huwa eżempju kif minn spazju li stajna nagħmlu użu minnu, qed noħolqu spazju modern, bl-aħħar teknoloġija u li fl-aħħar mill-aħħar se jibbenefikaw minnu l-istudenti tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada”.

Il-binja se toħloq ukoll spazju li fih jiltaqgħu l-istudenti, l-lecturers u l-istaff biex fih ikollhom interazzjoni bejniethom b’mod informali u anqas ristrettiv. Kunċett innovattiv għall-MCAST u li jwassal biex ikun hemm komunikazzjoni bejn l-istudenti u l-edukaturi f’ambjent aktar rilassanti. Ħsieb verament tajjeb biex l-istudent ikun jista’ jitkellem mal-edukaturi u viċi-versa f’ambjent ‘l hinn mis-swali u klassijiet.

Anki d-disinn tal-binja kien hemm ħsieb warajha. Disinn li kemm għall-għajn u wkoll fil-mod kif inhu maħdum iwaħħad l-ambjent ta’ barra ma’ dak ta’ ġewwa – transizzjoni kalma bejn l-ispazju miftuħ ta’ barra maċ-ċentru.

Dwar dan il-Ministru Bonnici qalilna li dan il-kunċett inħaseb apposta u huwa wieħed li jħares lejn l-ambjent edukattiv modern, li permezz tiegħu l-istudent verament jara fil-ħajja skolastika tiegħu vjaġġ eċitanti b’teknoloġija moderna u wkoll jagħmel l-ambjent skolastiku post fejn l-istudent iħossu komdu fih – għax wara kollox huwa dan l-ambjent li fih l-istudent iqatta’ l-parti l-kbira tal-ħin taż-żgħożija tiegħu.

Id-disinn jaħseb ukoll biex il-binja tuża metodi li jiffrankaw il-konsum tal-enerġija, bil-madwar li se jkun ikkumplimentat bi spazji ħodor u wkoll numru ta’ water features.

Kollox ma’ kollox, dan iċ-ċentru se jieħu lill-istudenti tal-MCAST fid-dinja moderna tal-lum, mhux biss bl-ambjent tal-binja nnisisha, imma wkoll id-diversi kunċetti ta’ interazzjoni umana f’atmosfera anqas riġida li ċ-ċentru se jkun imewwaq bihom.

Share With: