Investiment ta’ €5 miljun għall-Iskola tal-Arti

Miexi b’rittmu tajjeb ħafna x-xogħol ta’ restawr u tisbieħ tal-Iskola tal-Arti li tagħmel parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Xogħol li għandu investiment ta’ €5 miljun u li mistenni li jkun lest fix-xhur li ġejjin. B’hekk it-800 mitt studenti u l-edukaturi tagħhom mis-sena skolastika li jmiss se jgawdu binja storika restawrata u rinovata, imma wkoll binja li toffri ambjent imtejjeb bil-bosta għal tagħlim u taħriġ iżjed effettiv.

L-għan tal-iskola tal-Arti huwa li tipprovdi edukazzjoni tal-ogħla kwalità bbażata fuq metodoloġija u riċerka billi tipprovdi sfidi għall-istudenti biex jitgħallmu u jiskopru l-potenzjal tagħhom. L-iskola toffri diversi korsijiet tal-arti li jwasslu għal kwalifikazzjoni minn Livell 1, li huwa bażiku, sa’ Livell 5, li huwa ekwivalenti għal Diploma. Bħalissa l-Iskola tal-Arti għandha 800 student irreġistrat magħha minn 6 snin ‘il fuq.

Meta żar ix-xogħol li qed isir il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici fisser kif il-Gvern huwa determinat li jsahhah it-taghlim tal-arti viziva u performattiva f’pajjizna u dan il-progett huwa turija tar-rieda taghna f’dan is-settur. Il-Ministru Bonnici rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada tax-xogħol tajjeb li qegħdin iwettqu fuq din il-binja storika. Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil tas-sistemi tad-dawl u l-ilma, ftuħ ta’ kmamar ġodda, installazzjoni ta’ lifts, u spazji moderni u komdi f’ambjent li jirrispetta l-wirt storiku.

Din l-iskola nfetħet fl-1926 f’Casa Tessi, magħrufa wkoll bħala Casa Brunet, fil-parti t’isfel ta’ Triq il-Fran, il-Belt Valletta. Fil-fatt dan il-palazzin eleganti u elaborat kien propjetà ta’ kavallier Franċiż fi żmien l-Ordni. Wara mewtu huwa ħalla din il-binja lill-Ordni, għalhekk illum din hija propjetà tal-Istat. Għal xi żmien l-Iskola tal-Arti ħarġet minn din il-binja li bdiet tintuża bħala l-Qorti tal-Maġistrati, imma xi snin ilu l-Iskola tal-Arti reġgħet lura f’dan il-palazzin.

Waqt iż-żjara l-Kap tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli rringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni u lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada biex seħħ dan il-proġett. 

Il-bini kien jeħtieġ sew dan ix-xogħol li qed isir għaliex sa’ ftit snin ilu kien qed ikun hemm saħansitra rapporti mingħand il-pubbliku dwar twieqi tal-injam li waqgħu fit-triq u wkoll dwar perikli li kienet akkumulat din il-binja matul iż-żmien. Issa li qed isir dan ix-xoghol ta’ restawr eccellenti, l-istorja se tkun differenti ghall-istaff u l-istudenti li se jsibu ambjent mtejjeb bil-bosta għal tagħlim u taħriġ iżjed effettiv. 

Kif intqal, kull investiment fl-edukazzjoni tal-Arti huwa investiment għal soċjetà isbaħ biex ngħixu fiha.

Mill-ftuħ tagħha, l-iskola ħalliet influwenza kbira fil-progress u riċerka artistika fuq l-arti viżwali f’Malta. Kienet ukoll waħda mis-sorsi ewlenin għall-edukazzjoni fl-arti permezz ta’ taħriġ formali u scholarships lil artisti biex ikomplu l-istudji tagħhom barra minn xtutna.

Il-Ministru Bonnici qalilna li, “L-investiment fis-settur tal-edukazzjoni huwa investiment mhux biss fl-ambjent edukattiv, f’dan il-kaz investiment ukoll f’ambjent storiku, imma fuq kollox huwa investiment fil-friegħi varji li għandu s-settur tal-edukazzjoni. Dawn l-istudenti qed nofrulhom ambjent imtejjeb ferm għaliex aħna nemmnu fihom u rridulhom l-aħjar għall-futur mhux biss tagħhom imma tal-istudenti kollha li ġejjin warajhom”.

Share With: