Ir-rata tal-qgħad baqgħet relattivament baxxa

Minkejja li bl-effetti kollha negattivi li ħalliet fuq l-ekonomija l-imxija tal-COVID-19 kien hemm żieda fl-għadd ta’ persuni rreġistrati bħala qegħda, minn perspettiva storika r-rata tal-qgħad f’Marzu li għadda baqgħet waħda baxxa f’Malta. 

Fl-Aġġornament Ekonomiku tiegħu, il-Bank Ċentrali ta’ Malta nnota li f’April kien hemm livelli ta’ attività ekonomika notevolment aktar dgħajfin mill-medja storika u naqas drastikament is-sentiment ekonomiku fis-setturi kollha, bl-ikbar tnaqqis irreġistrat ikun fis-setturi tas-servizzi u l-kostruzzjoni. 

F’Marzu, l-attività fit-turiżmu naqset sew b’riżultat tal-miżuri ta’ trażżin u l-projbizzjoni fuq vjaġġar. Kien hemm ukoll tnaqqis ukoll fil-volum tal-bejgħ bl-imnut, għalkemm dan kien bil-wisq inqas minn dak fl-attività fit-turiżmu. Sadattant batta t-tkabbir fil-produzzjoni industrijali. 

Il-Bank Ċentrali jspjega kif f’Marzu telgħet bi ftit l-inflazzjoni għall-konsumatu, għalkemm baqgħet f’livelli baxxi, bir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur titla’ għal 1.2%. Bl-istess mod, l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 1.1%.

Kien innotat li d-defiċit fil-Fond Konsolidat żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel ma’ sena qabel, parzjalment minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern li jiddifferixxi l-ġbir ta’ għadd ta’ taxxi fid-dawl tal-COVID19.

Share With: