Ir-Renju Unit jiddeporta immigranti li jaqsmu minn Franza fuq dgħajjes żgħar

Il-Gvern Brittaniku nieda inizjattiva biex jagħmel deportazzjoni ta’ immigranti li jaqsmu l-Kanal Ingliż minn Franza abbord dgħajjes żgħar. Dan kien żvelat minn The Guardian.

L-inizjattiva, magħrufa bħala “Operation Sillath”, hija maħsuba li saret b’risposta għan-numru dejjem jikber ta’ immigranti li qed jaqsmu lejn ir-Renju Unit minn Franza abbord ta’ dgħajjes.

Aktar kmieni dan ix-xahar 145 immigrant inqabdu mill-awtoritajiet Brittaniċi wara li qasmu l-Kanal Ingliż nhar it-8 ta’ Mejju li għadda. Il-jum preċedenti kienu qasmu 102 immigranti.

Matul l-2018 kien hemm 297 dgħajsa li qasmet il-Kanal Ingliż b’immigranti abbord. Dan in-numru ra żieda esponenzjali matul is-sena li għaddiet għal 1,890. Intant mill-inqas 1,040 dgħajsa qasmet il-Kanal matul din is-sena.

Taħt il-Konvenzjoni ta’ Dublin, pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jista’ jibgħat lura persuna li qed tfittex l-ażil jekk jinstab li din il-persuna kienet ġiet reġistrata, għamlet talba għall-ażil, jew qattgħet ħin f’pajjiż membru tal-UE qabel ma waslet f’pajjiż membru ieħor.

Share With: