Is-Serie B jagħmlu l-kalkoli tagħhom

Il-Lega Serie B kien qed tlaqqa’ lill-membri kollha tagħha u wissiet lill-awtoritajiet kompetenti li l-clubs iridu minn tal-inqas tliet xhur sabiex kollox jiġi f’postu u eventwalment jispiċċaw l-istaġun 2019-20.

Min-naħa l-oħra l-Lega Serie C/Lega Pro diġá ħabbret pjan sabiex jispiċċaw l-istaġun qabel minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u l-effetti loġistiċi li se tħalli.

Peress li l-gvern Taljan ħabbar li timijiet u gruppi sportivi jkunu jistgħu jibdew is-sessjonijiet ta’ taħriġ sa mit-18 ta’ Mejju, bdew isiru l-ewwel kalkoli meta għandu jispiċċa l-istaġun attwali.

Kien hawnhekk li f’konferenza virtwali li saret bejn il-clubs tas-Serie B ġie propost li minn dik id-data sa tmiem il-kampjonat hemm bżonn żgur ta’ tliet xhur għal tmiem it-tieni kategorija tal-football Taljan.

L-uniku dubju li qed iberren f’moħħ dawn il-klabbs hu l-impatt finanzjarju u loġistiku li se jħallu dawn id-dati meta tqis li kollox se jkaxkar sa Awwissu.

Is-Serie B kien wasal fit-28 ġurnata tiegħu u meta ġie mwaqqaf fl-10 ta’ Marzu, Benevento kienu qed igawdu 20 punt vantaġġ fil-quċċata segwiti minn Crotone, Frosinone u Pordenone.

Share With: