Is-Sindku Mellieħi jsostni li l-masġar tal-Mellieħa għandu jiġi mgħasses biex jinqatgħu l-abbużi

“Dalgħodu erġajna sbaħna għal massakru ieħor ħewwa l-masġar tal-Aħrax. Dan huwa mument fejn inħoss dieqa kbira ġewwa fija meta nara li dan il-masġar mill-isbaħ kulma jmur qed jintilef.” Hekk beda biex jikteb is-Sindku Mellieħi Dario Vella b’reazzjoni għall-aħbar li dal-lejl tkebbsu nirien qawwija fl-Aħrax tal-Mellieħa.

Huwa kompla biex jgħid li fid-diskors tiegħu bħala Sindku waqt il-Parlament tas-Sindki lura f’Jannar li għadda saħaq li hemm bżonn ta’ pjan ta’ immaniġjar serju fejn dan il-post jiġi mgħasses erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

Tenna biex jgħid li hu jemmen li dan huwa l-unika mod biex jinqatgħu dawn l-abbużi u għalhekk talab lill-awtoritajiet biex jieħdu deċiżjoni llum qabel għada biex ma jkunx hemm aktar konsegwenzi.

Finalment huwa temm jirringrazzja lill-Protezzjoni Ċivili tal-ħidma kollha tagħhom biex ikkontrollaw in-nirien.

Share With: