Ix-Xjentisti Bijomediċi – Min huma?

Minn CHARMAINE VELLA, Lead Executive Science Communicator, Esplora

X’aktarx lil dawn qatt ma smajtu bihom jew forsi dan l-aħħar smajtu lil xi ħadd isemmihom, iżda tassew kemm għandhom isimhom ikkumplikat!  Jekk nifhmu sewwa sew xi jfisser dan it-titlu nibdew niskopru aħjar lil dan il-grupp ta’ nies.  Xjentist huwa xi ħadd li josserva u jistudja aktar fid-dettall xi suġġett partikolari.  Il-kumplament ta’ dan it-titlu jindika li dawn ix-xjentisti  huma esperti fil-qasam biomediku.  Il-biomediċina tirreferi għal studju li jżewweġ flimkien l-għarfien bioloġiku u l-istudju dwar il-ħajja ma dak tal-mediċina.

Meta nsemmu l-mediċina jew l-isptar, ftit li xejn jiġu f’moħħna affarijiet sbieħ għax ħafna drabi nirrikorru għalihom meta nkunu ma nifilħux.  Jekk naħsbu ftit min huma dawk in-nies li niltaqgħu magħhom biex nieħdu ħsieb saħħitna żgur li ma nistgħux ninsew lit-tabib.  Sabiex jgħinu lit-tobba nsibu wkoll lill-infermiera.  Imbagħad hemm id-dentist li ħafna jibżgħu minnu u l-ispiżjar li mingħandu nġibu l-mediċina li jkollna bżonn.  Ma’ dawn hemm ħafna professjonisti oħrajn li huma neċessarji biex jikkuraw lill-pazjenti, speċjalment ġewwa l-isptar.  Fosthom hemm grupp ta’ professjonisti li jaħdmu minn wara l-kwinti u rari jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-pazjent.  Nistħajjilkom tgħidu ‘Kif jista’ jkun jieħdu ħsieb lill-pazjent jekk qatt ma jiltaqgħu miegħu?’ 

Immaġinaw programm tat-televiżjoni fejn dejjem jidher il-preżentatur favorit tagħkom u lil dan tafuh sew għax tarawh spiss u tisimgħuh jitkellem.  Minn naħa l-oħra huwa diffiċli biex inkunu nafu min huma d-direttur, il-vidjografu jew l-editur tal-programm għax lil dawn ma nkunu rajnihom qatt iżda nafu li mingħajrhom il-programm ma jkunx possibbli.  Bl-istess mod it-tobba u n-nies l-oħra responsabbli mill-kura tal-pazjenti għandhom bżonn min jgħinhom biex ikunu jistgħu joffru l-aħjar kura possibbli.  It-tabib mhux dejjem jista’ jifhem eżatt x’inhu jiġri ġewwa l-ġisem billi jeżaminah minn barra biss.  Xi kultant ikun meħtieg li jġib aktar informazzjoni qabel jiddeċiedi eżatt x’għandu bżonn il-pazjent.  Għalhekk jistgħu jsiru diversi tipi ta’ testijiet ġewwa l-laboratorju fejn propju nsibu lix-xjentisti biomediċi.  Dawn in-nies lebsin il-bluża bajda huma mħarrġin biex jipproċessaw il-kampjuni li jirċievu, iħaddmu l-makkinarju li hemm bżonn, jivvalidaw ir-riżultati u jinterpretaw it-tifsira tagħhom sabiex iwasslu rapport komplut lit-tabib. 

Il-laboratorju mediku li nsibu fl-isptar huwa speċjalizzat biex isiru testijiet li jgħinu kemm fid-dijanjożi kif ukoll fil-monitoraġġ ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet.  Biex nifhmu aħjar nistgħu nużaw l-eżempju ta’ meta wieħed ikollu xi infezzjoni.  X’aktarx li dan il-persuna se jmur għand it-tabib u jiddeskrivi x’inhu jħoss.  Jista’ jkollu sintomi bħal deni, telqa, jew uġigħ.  It-tabib jista’ jissuspetta li hemm xi tip ta’ infezzjoni imma għandu bżonn ikun jaf minn fejn ġejja l-infezzjoni u x’inhu l-mikrobu li qed jikkawżaha.  Hawn jistgħu jittieħdu kampjuni differenti biex jintbagħtu l-laboratorju.  Mid-demm nistgħu nikkonfermaw jekk hemmx infezzjoni jew le u minn kampjuni oħrajn nistgħu naqbdu l-mikrobu.  Aktar testijiet se juruna x’inhu l-mikrobu u liema huwa l-aħjar antibiotiku biex jeliminah.  Mela s’issa r-riżultati tal-laboratorju kienu meħtiega biex issir id-dijanjożi jiġifieri biex it-tabib jikkonferma eżatt x’inhi l-problema u biex jagħżel il-mediċina li hemm bżonn.  Wara li l-pazjent jibda’ jieħu l-mediċina, isiru aktar testijiet biex naraw li tassew qed isir progress sa mal-infezzjoni titfejjaq għalkollox.  Bħal dan l-eżempju hemm ħafna oħrajn, bħal ngħidu aħna, il-kura ta’ min hu dijabetiku, ta’ min ibati minn mard tal-qalb u mard ieħor kroniku, jew inkella sabiex wieħed jipprepara sew qabel issirlu xi operazzjoni.  Wara dan kollu nsibu xjentisti speċjalizzati f’oqsma differenti tal-laboratorju mediku.  F’dawn iż-żminijiet tal-pandemija bil-virus COVID-19, parti minn dawn ix-xjentisti kienu wkoll strumentali biex isiru t-testijiet għall-virus.

Minbarra fil-laboratorju tal-isptar lil dawn ix-xjentisti nistgħu nsibuhom ukoll ġewwa laboratorji oħrajn.  Naraw numru ta’ xjentisti biomediċi fil-qasam tar-riċerka.  Ġewwa laboratorji speċjalizzati, dawn ikunu qed iwettqu proġetti ta’ riċerka li minnhom jistgħu joħorġu skoperti ġodda.  L-informazzjoni li tiġi mir-riċerka hija importanti ferm sabiex il-mediċina tkompli tavvanza.  Hemm ukoll, għadd imdaqqas ta’ xjentisti biomediċi li jaħdmu fl-industrija tal-farmaċewtika.  Dawn huma nvoluti fir-riċerka u fil-produzzjoni ta’ mediċini u vaċċini ġodda.  Oħrajn jaħdmu fil-qasam tas-sanità li jassigura l-iġene f’postijiet kritiċi bħal stabbilimenti tal-ikel.   

Fi ftit kliem, illum nirrealizzaw li x-xjentisti biomediċi mhuma ħadd ħlief dawk il-professjonisti li japplikaw dak kollu li tgħallmu fis-suġġetti tax-xjenza sabiex ikunu parti minn katina akbar li tieħu ħsieb is-saħħa tal-bniedem. 

Share With: