Jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ pussess u traffikar ta’ droga

Justin Mallia ta’ 22 sena residenti Bormla baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bil-pussess u t-traffikar tad-droga. Huwa kien mixli wkoll li saq vettura mingħajr ma kien kopert b’polza tal-assigurazzjoni għar-riskji ta’ terzi persuni u li sar reċediv.

Huwa twaqqaf mill-Pulizija tard is-Sibt filgħaxija waqt li kien qed isuq vettura fi Triq il-Baċir, Raħal Ġdid. Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuq ir-raġel instabu madwar 60 pakkett bid-droga suspettata eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Qorti kkunsidrat il-gravità tar-reati li bihom l-imputat huwa akkużat u l-fatt li mill-fedina penali tiegħu jirriżulta li mhuwiex persuna affidabbli minħabba li biss sena ilu huwa spiċċa f’ordni ta’ superviżjoni u ordni ta’ trattament u ftit xhur wara reġa’ ġie kkundannat mill-Qorti għar-reati ta’ serq. Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet l-imsemmija talba u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Mallia.

Share With: